“Il-Leħen” tagħlaq 90 sena; pjan li tkun onlajn

Il-gazzetta “Leħen is-Sewwa” bdiet tiġi ppublikata mill-1 ta’ Settembru tal-1928, fejn ftit snin wara għaddiet f’idejn l-Azzjoni Kattolika u għadha hekk sal-lum.

F’kummenti li ta lil Newsbook.com.mt, l-Editur tal-gazzetta “Il-Leħen” Michael Caruana tkellem dwar il-pjani futuri fejn żvela li l-pass li jmiss se jkun li din se tibda tkun aċċessibbli onlajn biex tilħaq sezzjoni ġdida ta’ nies.

Michael Caruana ta ħarsa lura lejn id-90 sena ta’ din il-gazzetta ta’ kull ġimgħa ta’ ispirazzjoni Kattolika fejn ippreċiża li għal kuntrarju ta’ dak li jaħsbu ħafna nies, din mhijiex il-gazzetta tal-Knisja.

Kompla jgħid li din hija l-aktar gazzetta li ilha toħroġ b’mod kontinwu f’Malta u Għawdex.

Qal li minkejja t-tibdil li sar fil-gazzetta, kemm mil-lat viżwali kemm mil-lat ta’ kontenut, l-akbar sfidi li sab kienet meta biddel l-isem tal-gazzetta minn “Leħen is-Sewwa” għal “Il-Leħen”.

L-editur tal-gazzetta spjega kif il-qarrejja tal-gazzetta huma numerużi u li dan l-aħħar saru sforzi akbar biex din il-gazzetta tinbiegħ minn numru akbar ta’ ħwienet bil-għan li tilħaq iktar nies.  Qal li jħoss li Malta għad għandha bżonn gazzetta bħal din li issa qed toħroġ kull nhar ta’ Ħadd.

Semma kif l-akbar responsabiltà fil-produzzjoni ta’ din il-gazzetta taqa’ fuq l-editur, iżda qal li hemm diversi persuni li jiktbu artikli u siltiet b’mod volontarju.

Michael Caruana appella lil kull min huwa Nisrani impenjat, biex ikollu kopja ta’ din il-gazzetta f’idejh biex b’hekk iżomm ruħu aġġornat dwar l-aħħar żviluppi, avvenimenti Kattoliċi u diskorsi tal-Papa. Qal li din toffri stampa attwali ta’ dak li jkun qed jiġri fil-Knisja Universali kif ukoll fil-Knisja lokali.

L-editur tal-Leħen fakkar kif matul is-snin, il-gazzetta għaddiet minn diversi żminijiet iebsa fosthom fit-Tieni Gwerra Dinjija kif ukoll fil-kwistjoni politiku-reliġjuża fis-sittinijiet.