Il-leħen jista’ jkun tpespisa imma importanti u meħtieġ – L-Isqof Grech

Anthony Grech

Fl-okkażjoni tal-75 sena anniversarju mill-pubblikazzjoni tal-ewwel ħarġa tar-rivista ‘Il-Ħajja f’Għawdex’ l-Isqof u Amministratur Appostoliku għal Għawdex, Mario Grech qal li din ir-rivista “Anki jekk, f’paragun mal-għadd ta’ vuċijiet medjatiċi oħra li hawn f’pajjiżna, il-leħen ta’ din ir-rivista huwa tpespisa, xorta huwa leħen importanti u meħtieġ”.

Mons. Grech qal li din ir-rivista hija l-mikrofonu għall-Għawdxin li jwassal “il-ħsus li hemm f’dawk kollha li jgħożżu lil din il-gżira f’dak li għandu x’jaqsam mat-twemmin, il-familja, l-eduakzzjoni, ix-xogħol, il-kultura, l-ekonomija, l-isport u l-bqija” minn lenti Nisranija.

Għal din l-okkażjoni l-Isqof Mario Grech permezz ta’ digriet waqqaf il-“Fondazzjoni il-Ħajja f’Għawdex”. F’kelmtejn tal-okkażoni l-Isqof Grech qal li din il-Fondazzjoni ġdida tiggarantixxi l-futur ta’ din ir-rivista djoċesana.

L-Isqof qal li d-Djoċesi ta’ Għawdex impenjat ruħha li tagħti s-sostenn finanzjarju meħtieġ biex din il-Fondazzjoni tista’ tibda topera u twettaq l-għanijiet tagħha, li jinkludu mhux biss il-pubblikazzjoni tal-unika rivista ta’ kull xahar dwar Għawdex, imma wkoll ta’ kotba mid-Dar Pubblikatriċi Lumen Christi.

Joe W. Psaila ġie maħtur mill-Isqof Mario Grech bħala l-ewwel President ta’ din il-Fondazzjoni.

Fid-diskors tiegħu l-Isqof irringrazzja lil dawk kollha li b’diversi modi jżommu ħajja din ir-rivista.