Il-leġġenda tal-basketball li miet fi kraxx jgħid li l-fidi Kattolika bidlitlu ħajtu

Kobe Bryant il-plejer leġġendarju tal-Basketball li miet ftit jiem iu

Kobe Bryant, Amerikan ta’ 41 sena u meqjus minn kulħadd bħala wieħed mill-akbar players tal-basketball tad-dinja u ta’ kull żmien li miet nhar il-Ħadd li għadda meta waqa’ l-helicopter li kien qed jivjaġġa fuqu f’California, qal li l-fidi Kattolika bidlitlu ħajtu.

Ma’ Bryant, miet ukoll waħda mill-erba’ uliedu – Gianna ta’ 13-il sena li flimkien ma’ seba’ persuni oħra kienu qed jivjaġġaw fuq l-istess helicopter. Bryant ħalla warajh lil martu Vanessa u tliet uliedu bniet oħra, Natalia ta’ 17-il-sena; Bianka ta’ tliet snin u Capri, tarbija ta’ seba’ xhur.

Huwa twieled minn familja Kattolika u f’dawn l-aħħar snin kien involut ħafna f’attivitajiet konessi mal-fidi.

L-ex champion tal-basketball jgħid li kien qassis li tah l-għajnuna u l-gwida li kellu bżonn meta fl-2003 kellu nċident li fih kien akkużat li attakka sesswalment tfajla meta hu nsista li ċ-ċirkostanzi kienu konsenswali.  Fil-fatt l-akkużi kontrih eventwalment twaqqgħu iżda hu sadattant li leħaq tilef diversi sponsors u dan wasslu biex jirrealizza li kellu bżonn jibdel ħajtu.

F’intervista li kien ta fl-2015 lill-magazine GQ, Bryant kien qal li f’dak iż-żmien diffiċli kien qassis Kattoliku li għenu jirrealizza xi affarijiet importanti. Hu kien qed jibża’ li se jispiċċa l-ħabs.

Kollox f’idejn Alla

“L-aktar ħaġa li verament għenitnu f’dak iż-żmien kien diskursata li kelli ma’ saċerdot. Jien Kattoliku, trabbejt Kattoliku u uliedi Kattoliċi.

“Il-qassis ħares lejja u qalli: Dan veru?  U jien weġibtu: “Żgur li le”. Imbagħad staqsieni “Għadek avukat tajjeb? U jien weġibtu: ‘U żgur, avukat fenomenali’.  U hawnhekk il-qassis qalli: ‘Mela tinkwieta xejn. Ibqa’ miexi. Alla mhux se jgħabbik b’xi ħaġa li ma tiflaħx u issa ħalli kollox f’idejh. Int ma tista’ tagħmel xejn aktar’. U dak kien li bidilli ħajti”, qal Bryant fl-intervista.

F’dawn il-jiem, il-meda soċjali bħal Twitter, Facebook u oħrajn kienu miżgħuda b’espressjonijiet ta’ kondoljanzi għatelfa ta’ Kobe Bryant u b’talb għall-familja tiegħu. Fost dawk li offrew talb għalih, bintu u dawk li mietu miegħu kien hemm l-Arċisqof Jose Gomez ta’ Los Angeles u President tal-Konferenza Episkopali Amerikana kif ukoll il-President Donald Trump u l-ex Pesident Barack Obama.