Il-leġġenda ta’ Marcellino fir-Rabat

L-Għaqda Drammatika Rabat se tkun qed ittella’ d-dramm ibbażat fuq il-leġġenda ambjentata fis-Seklu 19 fi Spanja ta’ Marcellino Ħobż u Nbid. Id-dramm fi tlett atti se jittella’ fis-Sala Dun Karm Lia, fil-parroċċa ta’ San Pawl, ir-Rabat, nhar is-Sibt 7 ta’ Marzu u nhar il-Ħadd 8 ta’ Marzu 2020, fis-7pm.

L-istorja twassal iż-żminijiet diffiċli minħabba gwerer u taqlib politiku li affettwa sewwa l-ħajja kattolika fi Spanja. Il-knisja kattolika ġiet assedjata minn kultura liberali li għenet biex titkisser l-influwenza tagħha fil-pajjiż.  Saret kampanja sħiħa biex lill-knisja jittieħdulha l-artijiet u l-beni kollha tagħha.  Matul dan iż-żmien, ġew magħluqa ħafna monasteri u kunventi u xi isqfijiet ġew maqtula jew eżiljati.

F’dawn iċ-ċirkostanzi xejn sbieħ, insibu kunvent tal-patrijiet Franġiskani li kienu jgħixu ħajja komunitarja trankwilla, li minn żmien għal żmien tinkiser bit-theddid tas-Sindku liberali tar-raħal, li jkun irid jagħlqilhom il-kunvent akkost ta’ kollox.

Qalb dawn id-diffikultajiet, darba fost l-oħrajn, bikja ta’ tarbija abbandunata wara l-bieb tal-kunvent, tbiddel ħajjet il-patrijiet mil-lejl għan-nhar.  B’imħabba kbira ħadu r-rwol ta’ omm u ta’ missier għal Marcellino, li kiber f’tifel imqareb mhux ħażin.  Il-qalb safja u l-ħlewwa ta’ dan it-tifel ressquh lejn Gesu’ li laqgħu fi ħdanu.  Marcellino kien iħoss nuqqas f’ħajtu, il-figura tal-omm.  L-omm hi ċentrali fid-dramm, omm Marcellino li ma nafuhiex u Marija omm Gesu’.  Filfatt l-imħabba lejn ommu u lejn omm Gesù wasslet biex seħħ il-miraklu fl-aħħar tad-dramm.

Biljetti għal din il-produzzjoni li ser tkun taħt id-direzzjoni ta’ Joe Borg u Stephen Bonello,  jinkisbu dakinhar mad-dħul.  Jista’ jsir parking fuq iz-zuntier tal-parroċċa. Għal aktar informazzjoni nistednukom iżżuru l-paġna ta’ Facebook tal-Għaqda Drammatika Rabat.