Il-legat tal-Knisja Kattolika fl-Irlanda

Knisja Kattolika Irlanda
Il-Knisja Kattolika fl-Irlanda qed tiffaċċja problemi. Iż-żjara tal-Papa Franġisku tista' tgħin?

Meta l-Papa Franġisku jżur l-Irlanda fi tmiem din il-ġimgħa biex jieħu sehem fil-Laqgħa Mondjali tal-Familji li se ssir f’Dublin, se jsib pajjiż ferm differenti minn dak li kien sab il-Papa Ġwanni Pawlu II, 39 sena ilu. Il-folol għall-Papa Franġisku mistennija jkunu anqas minn dawk li laqgħu lil Ġwanni Pawlu II.

Skont l-Uffiċċju Ċentrali tal-Istatistika tal-Knisja Kattolika, fl-aħħar tal-2016, qabel kien approvat ir-referendum li lliberaliżża l-abort fil-pajjiż, mis-7 miljun abitant Iralndiż, 5.3 miljuni ddikjaraw li huma Kattoliċi – jiġifieri kien hemm 76 kattoliku minn kull 100 persuna.

Il-Knisja Kattolika fl-Irlanda għandha 26 djoċesi, 1359 parroċċa, 40 ċentru pastorali, kollha mifruxa fuq territorju ta’ 84,405 kilometru kwadru.

Sa sentejn ilu n-nies involuti f’ħidma pastorali kienu jinkludu 56 Isqof, 2542 saċerdot djoċesan, 1793 patrijiet, 132 djakni permanenti, 754 sorijiet, 97 membru f’istituti sekulari u 2367 katekist. Fl-Irlanda hemm ukoll 10 seminaristi minuri u 150 seminarist maġġuri.

Barra minn dan, il-Knisja jew istituzzjonijiet reliġjużi oħra għandhom jew imexxu numru ta’ skejjel, li issa huma fil-mira ta’ referendum ieħor li qed jitħejja mill-Gvern. Fl-aħħar tal-2016 fir-Republika Irlandiża il-Knisja Kattolika kellha 3,375 kindergarten jew skejjel primarji li fihom kienu jattendu 526,640 student; 599 skejjel medji u sekondarji bi 318,030 student jitgħallmu fihom u disa’ skejjel superjuri u universitajiet li bejniethom joffru tagħlim lil 22,775 student.

Mhux biss! Fl-Irlanda l-Knisja tmexxi 21 sptar, 35 dar tal-anzjani jew persuni inkapaċitati, 33 orfanatrofju, 57 ċentri tal-familja, 8 ċentri edukattivi speċjalizzati u tliet istituzzjonijiet oħra ta’ ħidma soċjali.

Malli jasal fl-Irlanda, il-Papa Franġisku l-ewwel waqfa li se jagħmel tkun fil-Palazz Presidenzjali fejn jiltaqa’ mal-President Michael D Higgins u martu Sabina. Wara jiltaqa’ ma’ awtoritajiet oħra fosthom il-Prim Ministru Varadkar u fit-3.30 p.m. imur fil-Pro-Katidral ta’ Santa Marija u wara fiċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum għal dawk bla dar li jinsab f’Arran Quay u jitmexxa mill-patrijiet Kapuċċini.

Is-Sibt fit-7.45 p.m. il-Papa Franġisku mistenni jitkellem fil-kunċert tal-Laqgħa tal-Familji li se jsir fi Croke Park u li fih fost oħrajn se jieħu sehem Andea Bocelli u Daniel O’Donnell.

Il-Ħadd imbagħad il-Papa jmur Knock biex iżur il-Kappella tal-Apparizzjoni u hemm jirreċita l-Angelus quddiem folla li misennija tilħaq il-45,000 persuna. Wara jirritorna lejn Dublin fejn jippranza mad-delegazzjoni tiegħu u mbagħad iqaddes fil-Phoenix Park għall-Kungress tal-Familji qabel ma’ jiltaqa’ mal-Isqfijiet fil-kunvent tas-Sorijiet Dumnikani.