Il-legalizzazzjoni tal-prostituzzjoni r-rigal tal-Gvern f’Jum il-Mara – Buttigieg

Id-deputat Nazzjonalista Claudette Buttiġieġ qalet li r-rigal lin-nisa f’Jum il-Mara l-Gvern tahulhom il-ġimgħa li għaddiet meta s-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar ħabbret li se tiftaħ il-bibien għall-prostituzzjoni.

Buttiġieġ ħadet il-ħin tal-aġġornament biex titkellem dwar il-pjanijiet tal-Gvern dwar il-legalizzazzjoni tal-prostituzzjoni, tema li ġiet diskussa l-ġimgħa li għaddiet waqt laqgħa tal-kumitat parlamentari għall-affarijiet soċjali.

Hi qalet li din d-deċiżjoni ġabet l-istmerrija tal-40 NGO. Buttiġieġ sostniet li jekk il-Gvern jieħu l-mudell Ġermaniż, dan ifisser li l-prostituzzjoni ssir ‘supermarket’ fejn l-abbuż isir bil-‘menu’ u l-irġiel li jħallsu għas-‘servizz’ jippretendu li jieħdu li jridu bħala dritt sagrosant.

“Sant’Antnin tqabbad apposta?”

Buttiġieġ staqsiet lill-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia kellux il-ħsieb jippubblika r-rapport ta’ inkjesta dwar il-ħruq tal-impjant ta’ Sant’Antnin. Buttiġieġ staqsiet jekk dan ġiex inċident jew inkella tqabbadx apposta. Hi qalet li fl-impjant kien hemm ġibjun li dejjem kien ikun mimli ħlief dakinhar tal-inċident.

“Dan tħalla vojt apposta, bi traskuraġni jew b’negliġenza. Bl-istess mod, il-mekkaniżmu għat-tifi tan-nar ma ħadimx dakinhar. Dan ġralu l-ħsara għax ma saritlux manutenzjoni,” hi staqsiet.