‘Il-legalizzazzjoni ta’ drogi ħfief ma twassal imkien” – Il-Maġistrat Joe Mifsud

Il-Maġistrat Joe Mifsud qal li l-legalizzazzjoni ta’ dawk li jissejħu “drogi ħfief” hija diskutibbli fuq livell leġiżlattiv u ma twassalx għall-effetti maħsuba.
F’sentenza mogħtija fil-każ ta’ żewġ żgħażagħ mir-Rabat Għawdex, il-Maġistrat saħaq li d-droga hija ħażina u mal-ħażin ma tista’ qatt tagħmel kompromess.
Il-każ imur lura għall-2008, meta ż-żewġ żgħażagħ inqabdu fil-pussess tad-droga u anke kienu akkużati li offrew li jbigħu d-droga. Wieħed minnhom kien akkużat ukoll b’kaċċa illegali u li kellu fil-pussess tiegħu għasafar ibbalzmati kontra l-liġi.
"Każi ta' droga għandhom ikunu ttrattati b'urġenza"
Il-Maġistrat kellu kliem iebes dwar id-dewmien żejjed biex każijiet bħal dawn jaslu quddiem il-Qorti.
Dr Mifsud saħaq li każi ta’ droga għandhom ikunu trattati b’urġenza biex persuni li jkunu rrijabilitaw ruħhom u qed jgħixu ħajja stabbli, ma jispiċċawx jiffaċċjaw kawżi ta’ ħafna snin qabel u xorta waħda jeħlu l-ħabs, kif ġara f’dan il-każ.
"Għandu jkun hemm ċentru fil-komunità li la hu ħabs u lanqas dar"
Appella wkoll li wasal iż-żmien li jkun hemm ċentru fil-komunità, “li la hu ħabs u lanqas dar,” biex tkun alternattiva għall-priġunerija għal dawk li jkollhom jiskuntaw piena minħabba traffikar biex imantnu l-vizzju.
"L-addict għandna noħorġuh mit-triq"
Fakkar li ħafna minn dawk li jaqgħu fil-vizzju tad-droga jispiċċaw jisirqu biex ikunu jistgħu jixtruha.
Għalhekk qal li “l-addict għandna noħorġuh mit-triq,” billi jinfetħu ċentri ta’ matul il-jum fejn persuni li jbatu minn vizzju ta’ droga jkunu jistgħu jqattgħu l-ġurnata flok “jiġri barra jisraq xi stereo minn xi karozza, jisraq xi anzjana jew jagħmel affarijiet li ma jgħinuhx jirbaħ il-vizzju.”
"F'każi bħal dawn il-Qorti għandha tingħata aktar libertà"
Il-Maġistrat Joe Mifsud qal li jaqbel li l-Qorti jkollha parametri ta’ priġunerija li għandha tingħata persuna fejn jidħol traffikar aggravat, iżda appella biex il-Qorti, “li tkun għexet il-proċess,” ikollha aktar libertà.
Saħaq ukoll li l-Qorti għandha tikkunsidra jekk l-akkużat ikunx ittraffika biex jagħmel il-flus, jew inkella biex imantni l-vizzju.
Id-deċiżjoni tal-Maġistrat
F’dan il-każ, il-Maġistrat sab lill-imputati ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom u wieħed miż-żgħażagħ ingħata sentenza ta’ 9 xhur priġunerija u multa ta’ €1,500, filwaqt li ż-żagħżugħ l-ieħor intbagħat 6 xhur ħabs u kien ordnat iħallas multa ta’ €1,000.
Fis-sentenza, il-Maġistrat Mifsud żamm f’moħħu li meta seħħ il-każ, l-imputati kienu għadhom taħt l-età u l-imputazzjoni marbuta mal-kaċċa seħħew qabel l-emendi li bihom tnaqqsu l-pieni għal akkużi simili.

Ritratt: Ian Noel Pace