Il-leave tal-kwarantina għandu jħallas għalih il-Gvern – is-sidien

Il-Malta Chamber u l-Malta Employers Association irreaġixxew b’mod negattiv għall-avviż legali li ħareġ il-Gvern ilbieraħ filgħaxija biex il-leave ta’ kwarantina jitħallas mis-sidien.

Huma qalu li l-leave tal-kwarantina għandu jħallas għalih il-Gvern għax inkella se jhedded l-eżistenza tan-negozji Maltin u jista’ jwassal biex impjegati jitilfu xogħolhom. It-tnejn li huma ikkritikaw lill-Gvern kemm fuq id-deċiżjoni meħuda kif ukoll minħabba li din saret mingħajr konsultazzjoni magħhom.

Minkejja li ż-żewġ organizzazjonijiet ħarġu żewġ stqarrijiet differenti, it-tnejn li huma ħadu l-istess pożizzjoni ta’ kritika.

Il-Malta Chamber qalu li din hija deċiżjoni mhux aċċettabli u li se jkollha effetti negattivi fuq in-negozju u l-ekonomija tal-pajjiż. Il-MEA iddeskriviet id-deċiżjoni bħala waħda deplorevoli.

Il-Gvern la ikkalkula l-imsieħba fil-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekononiku u Soċjali (MCESD) u l-anqas lill-Employment Relations Board, fejn l-imsieħba kollha kienu maqgħudin fl-oppożizzjoni tagħhom għal din il-proposta, qal il-Malta Chamber.

L-MEA talbet biex l-avviż legali jiġi rtirat immedjatament biex il-ħaddiema fil-privat ikunu kompensati mill-istat kif se jikkumpensa l-ħaddiema fis-settur pubbliku.

L-MEA sostniet li s-sidien diġà qed ibatu minħabba s-sitwazzjoni u għalhekk m’għandhomx jintalbu li jħallsu għal-leave tal-kwarantina.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn