Il-League tal-Futbol Ingliż se jispiċċa l-istaġun fi grounds vojta; jixxandar live fuq it-TV

Waqt li l-klabbs tal-Premiership Ingliż għadhom qed jiddiskutu jekk hux se jispiċċaw l-istaġun u meta dan jista’ jseħħ, il-gradi aktar baxxi tal-League tal-Futbol ħadu pass deċiżiv li jispiċċaw l-istaġun kemm jista’ jkun malajr. Rick Parry, iċ-Chairman tal-EFL li jinkludi l-Kampjonat tat-tieni livell kif ukoll l-Ewwel u t-Tieni League, illum ħabbar li l-logħob kollu ta’ dawn il-kompetizzjonijiet se jixxandru live online jew fuq it-televiżjoni, u li dawn se jintlagħbu fi stadji vojta.

Madankollu, Parry ma ta l-ebda indikazzjoni meta dan se jseħħ, hekk kif il-Gvern Ingliż il-bieraħ estenda l-lockdown bi tliet ġimgħat oħra, tal-anqas sas-7 ta’ Mejju.

Iċ-Chairman tal-EFL ikkonferma li l-partitarji mhux se jkunu jistgħu jattendu biex jaraw il-logħob li baqa’, u għalhekk dawn se jitilfu l-aktar parti kruċjali tal-istaġun. Madankollu, qed isir minn kollox biex huma jkunu jistgħu jsegwu t-timijiet u l-plejers favoriti tagħhom mill-kumdità u s-sigurtà ta’ darhom. Dan kien possibbli wara li l-EFL irnexxielhom jiżguraw li l-logħob kollu jixxandar live wara diskussjonijiet ma’ iFollow, l-imsieħba tax-xandir tagħhom, kif ukoll mas-servizzi tal-istreaming tal-klabbs.

F’ittra li ntbagħtet lill-klabbs ingħatat data indikattiva lill-plejers biex dawn jirritornaw lura għat-training f’nofs Mejju, dejjem jekk il-livell tal-lockdown ikun tnaqqas wara l-estensjoni li għadha kif tħabbret. Il-Klabbs ġew mgħarrfa biex iħejju ruħhom sabiex ikunu jistgħu jkomplu l-logħob kompetittiv fi żmien qasir.

F’ittra oħra mibgħuta lill-partitarji tal-futbol, Parry spjega: “Nitlobkom isserħu moħħkom li se nerġgħu nilqgħukom fl-istadji hekk kif dan ikun possibbli u sikur. Il-kontribut tagħkom għall-esperjenza tal-logħba u għall-atmosfera li toħolqu fl-istadji kollha madwar il-pajjiż hija xi ħaġa li aħna lkoll napprezzaw ħafna. Sfortunatament, illum ma nistax ngħidilkom meta se nerġgħu nibdew nilgħabu, imma meta nirritornaw, x’aktarx li l-logħob jintlagħab mingħajr spettaturi preżenti.”

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn