Il-Latvja jikkwalifikaw, wara li ġabu fix-xejn lil Malta

Fl-aħħar logħba tar-rawnd preliminari tal-Futsal Euro 2016, it-tim nazzjonali Malti kien fl-azzjoni kontra l-Latvja li riedu rebħa tajba.
U hekk ġara għax f’ żewġ minuti l-Latvja ħadu dak li riedu.
L-ewwel gowl wasal kmieni wara biss 28 sekonda permezz ta’ Maksims Sens.
10 sekondi biss wara, Andrejs Aleksejevs wettaq doppjetta immedjata u minuta wara reġa’ kien Maksims Sens li kellu wkoll doppjetta personali sa dak il-ħin.
Fl-għaxar minuta Arturs Jerofejevs għamilhom 5-0 u ħames minuti wara, l-istess plejer għamilhom 6-0.
Meta kien fadal 46 sekonda minn tmiem l-ewwel taqsima, Maksims Sens minn freeshot ra l-ballun milqugħ mill-gowlkiper Malti Nicholas Farrugia.
Ħames minuti mill-bidu tat-tieni taqsima, Andrejs Sustrovs b’xutt qawwi għeleb għal kollox lil Farrugia u għamilhom 7-0.
Fit-28 minuta reġa’ kien Andrejs Aleksejevs li skurja t-tmien gowl għal-Latvja.
Fit-32 minuta Dale Camilleri kellu ċans li jiskurja l-ewwel gowl Malti, li ġie miċħud minn salvataġġ mill-isbaħ tal-gowlkiper sostitut Antons Astrahancevs.
Qabel din il-logħba l-Ingilterra għelbu lil Andorra bl-iskor ta’ 3-2, iżda din ir-rebħa ma kinitx biżżejjed biex jikkwalifikaw.
Għalhekk il-Latvja kkwalifikaw għar-rawnd li jmiss b’7 punti, 13-il gowl favur u 4 kontra.
L-Ingilterra wkoll ġabu 7 punti, iżda kellhom 8 gowls favur u 4 kontra.
L-Andorra ġew fit-tielet post bi 3 punti, filwaqt li Malta spiċċaw fl-aħħar post bla punti u sofrew 15-il gowl mingħajr risposta.