Filmat: Ma jintlaħaq l-ebda ftehim għall-Greċja

Il-laqgħa tal-grupp tal-ewro intemmet mingħajr ma ntlaħaq il-ftehim mixtieq bejn il-Ministri tal-Finanzi tal-pajjiżi Ewropej bil-minuta ewro sabiex l-ekonomija tal-Greċja ma tfallix.
Minflok se jkomplu l-laqgħat bejn il-Prim Ministru Grieg Alexis Tsipras u l-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker.
Laqgħa oħra tal-grupp tal-ewro hija mistennija għada fis-1 ta’ wara nofsinhar. 
Il-laqgħa tal-lum intemmet wara erba’ sigħat ta’ taħdidiet u dan meta l-Ministri kienu tal-fehma li l-laqgħa kienet se tibqa’ għaddejja matul il-lejl sakemm jilħqu ftehim aħħari.
B’mod speċjali wara l-kummenti ta’ Juncker wara l-Kunsill Ewropew tat-Tnejn li għadda li “jrid jintlaħaq ftehim bilfors” sal-Ġimgħa.
Qabel il-laqgħa tal-grupp tal-ewro, il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal li qatt ma jkun impressjonat bil-kummenti li jintqalu qabel dawn il-laqgħat.
Sostna li l-iżjed importanti apparti l-ftehim huwa li l-Greċja terġa’ tirbaħ il-fiduċja tal-kredituri internazzjonali. Enfasizza li l-Greċja trid taffaċċa bosta sfidi. 
Is-suq Ewropew ra tnaqqis matul il-jum tal-Erbgħa wara kumment fuq Twitter li għamel il-Prim Ministru Grieg Alexis Tsipras.
Huwa irrimarka li l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali qishom mhux interessati li jintlaħaq ftehim mal-Greċja.
Tsipras ilu dawn l-aħħar ġranet involut f’laqgħat mal-Kummissjoni Ewropea, il-Bank Ċentrali Ewropew u mal-Fond Montetarju Internazzjonali. 

Ritratt u Filmat: Kunsill Ewropew