Il-laqgħa bejn il-President taż-żewġ Korei tawgura tajjeb ħafna għall-Knisja Kattolika

Għall-Kardinal Andrea Yeom Soo-jun, il-laqgħa bejn il-President tal-Korea ta’ Fuq u l-President tal-Korea t’Isfel ġiebet sens kbir ta’ gratitudni lejn Alla u lejn dawk kollha li għamlu din il-laqgħa possibbli.
Il-Kardinal Yeom barra milli hu Arċisqof ta’ Seoul hu wkoll l-Amministratur Apostoliku ta’ Pyongyang u għalhekk issa hu għatxan biex imur fil-kapitali tal-Korea ta’ Fuq biex jiltaqa’ mal-insara u jiċċelebra ‘l quddiesa magħhom.
Wara l-Gwerra tal-Korea, il-Knisja fil-Korea ta’ Fuq kienet distrutta u ħafna saċerdoti, sorijiet u lajċi mietu bħala martri. Il-kattoliċi fil-Korea t’Isfel għandhom dejn kbir ma’ sħabhom ta’ Pjongyang. “Li aħna liberi li ngħixu u nipprattikaw il-fidi tagħha hu grazzi għat-talb u s-sagrifiċċju tagħhom”, sostna l-Kardinal li qed jittama li fi żmien qasir ikun jista’ jibgħat saċerdot li jkun residenti fi Pyongyang li jkun jista’ joffri s-sagramenti lill-insara li għad hemm fil-Korea ta’ Fuq.
F’intervista li ta f’dawn il-ġranet il-Kardinal Yeom li l-fatt waħdu li saret il-laqgħa bejn iż-żewġ mexxejja diġa’ hu pass kbir ‘l quddiem. Laqgħa li għaliha sar talb madwar id-dinja kollha instigat mill-Papa Franġisku. Il-laqgħa wriet li d-djalogu hu l-uniku strument moralment validu biex tinbena paċi dejjiema. Is-summit hu l-ewwel pass fit-triq għall-paċi vera. Hu sinjifikattiv ħafna li l-laqgħa fetħet it-triq biex il-peninsula Koreana tneħħi kompletament l-armamenti nukleari.
Hu qal li l-paċi vera hi bażata fuq il-possibbilta’ li wieħed jgħix ħajtu b’mod sħiħ u allura hu mportanti li jkunu solvuti l-problemi umanitarji. Fost il-ftehim milħuqa f’dan is-summit hemm hemm dak li jippermetti li jerġgħu jibdew il-laqgħat bejn il-familji li kienu separati mill-Gwerra tal-Korea li ilhom mifruda għal dawn l-aħħar 65 sena. Madwar 700,000 persuna li jgħixu fil-Korea t’Isfel kienu separati mill-familji tagħhom li baqgħu fil-Korea ta’ Fuq u ma setgħux jikkomunikaw ma’ xulxin. Tul dawn is-snin madwar 130,000 persuna minn Seoul talbu biex jiltaqgħu ma’ qrabathomfi Pyongyang iżda sal-lum aktar min nofshom laħqu mietu bla ma ltaqgħu mal-familjari.
Il-Kap tal-Kattoliċi tal-Korea t’Isfel qal li l-kwestjoni tal-għajnuna umanitarja wkoll hi waħda importanti.  Din m’għandhiex tkun limitata biss għat-twassil tal-oġġetti materjali imma għandha tkun tinkludi wkoll laqgħat tan-nies wiċċ imb’wiċċ li jaqsmu flimkien it-tama u l-imħabba. Id-djoċesi ta’ Seoul nidiet diveri proġetti ta’ għajnuna fl-oqsma tal-fqar, il-morda, l-anzjani, it-trabi u t-tfal fil-Korea ta’ Fuq li huma fil-bżonn. Issa se tkompli tkabbar din il-ħidma.
It-talb hu l-qofol tal-impenn tal-Knisja fit-tfittxija għar-rikonċiljazzjoni, l-għaqda u l-paċi fil-peninsula Koreana It-talb jgħaqqadna lkoll flimkien u ma’ Alla.  Fl-aħħar 23 sena l-insara f’Seoul, kull nhar ta’ Tlieta fis-7.00 p.m. iċċelebraw quddiesa għar-rikonċiljazzjoni fil-Kattidral ta’Myeong-dong f’Seoul. Qabel il-gwerra, fil-Korea ta’ Fuq kien hemm 57 parroċċa b’52,000 nisrani u numru ta’ qassisin, reliġjużi u lajċi li mietu martri.
Is-sena li għaddiet, f’Seoul kien ċelebrat id-90 anniversarju mit-twaqqif tad-djoċesi ta’ Pyongyang. Il-Kardinal stqarr li għalkemm hu Amministratur Apostoliku ta’ dik id-djoċesi qatt għadu ma rifes f’dak il-pajjiż Imma kuljum jgħid ir-rużarju u jitlob l-interċessjoni tal-Madonn biex il-Mulej jagtħi grazzji bl-abbundanza għall-Knisja fil-Korea ta’ Fuq u l-insara ta’ hemm.