Filmat: Il-laqgħa bejn dawn it-tnejn “mhix għat-teatrin”

Id-Direttur tas-CIA, Mike Pompeo, qal li l-laqgħa tant mistennija bejn il-President Amerikan, Donald Trump, u l-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq, Kim Jong-un, mhix se ssir għat-teatrini, u Trump konxju tar-riskji kollha involuti.

Pompeo rrimarka li Trump sejjer hemmhekk biex isolvi problema.
Il-post jew il-ħin u d-data tal-laqgħa għadhom ma ġewx ikkonfermati, għalkemm hemm xnigħat li aktarx issir lejn Mejju, u qed jissemmew l-Iżvezja, l-Iżvizzera u ċ-Ċina, u Trump diġà ddeskriva dil-laqgħa bħala waħda storika li tista’ tfisser l-aaktar ftehim importanti li teħtieġ bħalissa d-dinja.
Madankollu l-biżgħat jibqgħu hemmhekk, u bosta kritiċi jemmnu li jekk it-taħdita bejn iż-zewġ mexxejja tmur ħażin, l-affarijiet jiggravaw bil-qawwi mil-lum għal għada, inkella li Jong-un jipprova japprofitta minn Trump.
Ebda president Amerikan qatt ma ltaqa’ ma’ mexxej tal-Korea ta’ Fuq, u qed jingħad li min-naħa tagħha l-Korea ta’ Fuq ilha tistennieha.
Ħafna kienu jaħsbu li l-laqgħa ssir xi darba, imma wara li l-Korea ta’ Fuq taqbel ma’ riżoluzzjonijiet maġġuri mill-Istati Uniti. Ir-riżoluzzjonijiet u t-talbiet biex twaqqaf il-programm nukleari hemm kienu, iżda l-Korea ta’ Fuq m’obdiet ebda waħda.
Allura kulħadd kien ixxukkjat meta Trump aċċetta mill-ewwel it-talba tal-Korea ta’ Fuq li jiltaqgħu.
Il-ġimgħa l-oħra Jong-un qal li lest iwaqqaf il-programm nukleari tiegħu biss jekk is-sigurtà ta’ pajjiżu tkun assigurata.
Filmat: BBC