Il-lajċi huma parti indispensabbli fit-tmexxija tal-Knisja

Il-vuċi tal-Kattoliċi ordinarji hi indispensabbli fit-tmexxija tal-Knisja filwaqt li l-Liġi Kanonika għandha tkun aġġornata biex isir obbligatorju għall-parroċċi li jkollhom kunsilli li jikkonsultaw mal-lajċi.
Din hi l-fehma tal-Kummissjoni Teoloġika Inernazzjonali, li hi korp importanti li jgħin fit-tfassil tat-tagħlim Kattoliku uffiċjali.
Il-Kummissjoni għadha kif ippubblikat dokument, li għandu l-approvazzjoni tal-Papa Franġisku, intitolat “Synodality in the Life of the Church” bl-iskop li juri kif is-sinodi għandhom jindirizzaw il-mistoqsijiet ewlenin li qed tiffaċċja l-Knisja.
Id-dokument jispjega li biċċa xogħol importanti li għandha l-Knisja hi li tikkonsulta lill-fidili biex verament tkun Knisja Sinodali, lesta li tagħmel dixxerniment kollettiv. Jenfasizza li “il-parteċipazzjoni tal-fidili lajċi hi indispensabbli fit-tmexxija tal-Knisja”.
“Il-lajċi huma l-maġġoranza kbira u assoluta tal-Poplu t’Alla u l-Knisja għandha ħafna x’titgħallem mill-parteċipazzjoni tagħhom fid-diversi missjonijiet tagħha fil-kura pastorali kif ukoll mill-esperjenza speċifika f’diversi oqsma tal-ħajja soċjali u kulturali”.
Id-dokument iżid li: “Għalhekk li l-lajċi jkunu kkonsultati hi indispensabbli biex jinbdew proċessi ta’ dixxerniment fil-qafas tal-istrutturi sinodali. Għalhekk hemm bżonn li jkunu megħluba l-ostakoli u jinħolqu fora fejn il-lajċi jkunu jistgħu jesprimu lilhom infushom, jaħdmu. Ma rridux nibqgħu nħarsu lejhom b’mentalità klerikali li qed tirriskja li temarġinahom mill-ħajja ekkleżjastika”.
Tul il-Pontifikat tiegħu, il-Papa Franġisku għamel enfasi kbira fuq is-Sinodu tal-Isqfijiet bħala għodda ta’ governanza, u sejjaħ il-ġerarkija Kattolika minn madwar id-dinja biex imorru Ruma fl-2014 u fl-2015 u issa f’Ottubru li ġej din id-darba biex jiffukkaw fuq iż-Żgħażagħ, il-Fidi u d-Dixxerniment Vokazzjonali. 
Qabel dawn il-laqgħat dejjem saret konsultazzjoni wesgħin mal-lajċi.
Aktar minn laqgħat ta’ Isqfijiet il-Papa jrid li jkun hemm mentalità sinodali fil-Knisja. Fil-fatt, fl-2015 fl-okkażjoni tal-50 sena mit-twaqqif tas-Sinodu tal-Isqfijiet, il-Papa Franġisku biex ikun hemm Knisja fejn in-nies ikunu fuq u jkunu servuti mill-Isqfijiet u s-saċerdoti li jiġu taħt.
Id-Dokument jgħid li l-Isqfijiet u s-saċerdoti iridu “jisimgħu b’attenzjoni” ix-xewqat tal-poplu, filwaqt li l-komunità kollha hi msejħa biex titlob, tisma', tanalizza, tiddjaloga, tiddixxerni u tagħti pariri qabel jittieħdu deċiżjonijiet pastorali li jkunu konformi max-xewqa t’Alla. 
Irid li jkunu hemm strutturi sinodali f’kull livell tal-Knisja: ibda mill-Papa li jikkonsulta mal-Kardinali sa parroċċi li jkollhom “kunsill pastorali’ biex jiffaċilita l-konsultazzjoni mal-lajċi. Hemm bżonn li tkun aġġornata l-Liġi Kanonika biex dawn l-istrutturi jsiru obbligatorji.