The Daphne Project: “Il-Laburisti ta’ rieda tajba għandhom jibdew inaddfu l-partit” – AD

Iċ-Ċerpersin ta’ Alternattiva Demokratika Carmel Cacopardo appella biex dawk ta’ rieda tajba fil-Partit Laburista jieħdu inizjattiva huma u jibdew it-tindifa, li fi kliemu hi “tant meħtieġa għall-partit”.
Fi stqarrija, Cacopardo qal li qed jappella dan minħabba li “l-Prim Ministru Joseph Muscat, minkejja li affaċċjat bi stejjer ta’ ħmieġ m’għamel xejn għajr li staħba wara inkjesta Maġisterjali li mhi se tispiċċa qatt”.
Iċ-Ċerpersin tal-AD kien qed jikkummenta dwar l-aħħar informazzjoni li ħarġet dwar il-Ministru Konrad Mizzi, iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u Nexia BT, mill-konsorzju The Daphne Project, li t-Times of Malta hi parti minnu.
Cacopardo irrimarka li rr-rapporti fil-midja internazzjonali u lokali dwar iċ-ċaqliq ta’ flejjes sostanzjali bejn kontijiet bankarji f’Dubaj, is-Seychelles, Malta u l-Panama jikkonfermaw dak li ilu jingħad wara r-rivelazzjonijiet ta’ Daphne Caruana Galizia fil-kitbiet tagħha tul l-24 xahar qabel ma nqatlet.
Insista li Joseph Muscat għandu r-responsabbiltà politika li jaġxxi biex ma jħallix isem il-pajjiż ikompli jitħammeġ, bil-konsegwenza li tintrema’ l-baħar ir-reputazzjoni li nbniet b’tant sagrifiċċju.