“Il-kwoti għan-nisa fil-Parlament differenti minn kwoti għal gruppi ta’ minoranza” – NCPE

Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) qalet li l-kwoti għan-nisa fil-Parlament huma fundamentalment differenti minn kwoti għal gruppi ta’ minoranza.
L-NCPE qalet dan fi stqarrija fid-dawl tal-iżviluppi riċenti u d-diskors dwar id-dħul ta’ kwoti għan-nisa fl-ogħla karigi tal-pajjiż, ewlieni fosthom il-Parlament.
Il-kummissjoni enfasizzat il-qbil tagħha mad-dħul ta’ kwota, u qalet li meta jkun hemm rappreżentanza ugwali fil-Parlament dan jaffettwa lill-popolazzjoni kollha, għax in-nisa u l-irġiel flimkien jiffurmawha.
L-NCPE fakkar f'pajjiżi bħall-Islovenja u Franza, li indirizzaw din l-isfida bi kwoti leġiżlattivi għal rappreżentazzjoni bbilanċjata fil-Parlament.
Kompliet tgħid li bħalissa dan mhuwiex minnu, u għalhekk hawn defiċit demokratiku, li mbagħad minnu jbatu wkoll dawk il-gruppi ta’ minoranza.
Ġie rrimarkat ukoll li n-nisa u l-irġiel għandhom identitajiet differenti, ngħidu aħna f’termini razzjali, reliġjużi, orjentazzjoni sesswali, żmien jew l-identità tal-ġeneru.
Huwa għalhekk, ittemm tgħid l-istqarrija, li flimkien mal-kwoti għandu jkun hemm eżerċizzju li jaqsam fi kxaxen, jindentifika u jindirizza l-ħtiġijiet u l-barrieri li jsibu ma’ wiċċhom kemm in-nisa kif ukoll l-irġiel minn gruppi soċjali differenti.
Dan l-eżerċizzju għandu jsir mill-partiti politiċi, is-soċjetà ċivili u l-gvern, sabiex is-soċjetà kollha gradwalment tkun irrappreżentata bis-saħħa tal-involviment fil-politika ta’ nisa u rġiel minn gruppi soċjali differenti.