“Il-kwistjoni tal-firda pinġieha l-Labour” – Delia

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-kwistjoni tal-firda pinġieha l-Partit Laburista bl-ispin tiegħu fil-midja b’saħħitha li għandu. Delia qal li l-interess tal-Partit Laburista hu li jiżvija minn dak li hemm bżonn ta’ diskussjoni dwaru.

Fi programm fuq l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia tkellem dwar id-diffikultajiet li għadda minnu l-partit fl-aħħar ġranet wara li talab lil Simon Busuttil jissospendi ruħu mill-Grupp Parlamentari wara li ġew ippubblikati l-konklużjonijiet tal-inkjesta dwar Egrant.

Bil-frażi “you don’t need to go for the kill”, Adrian Delia qal li għalkemm talab lil Simon Busuttil jissospendi ruħu l-ġimgħa li għaddiet, huwa ddeċieda li m’hemmx bżonn li l-biċċa tikber.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li derlu wkoll li għall-għaqda tal-partit, għandu l-obligu li jara kif jagħmel biex il-partit jgħaqqdu u ma jħallix lil min irid il-firda jirnexxi.

“Niġġieldu b’armi li mhux l-istess”

Delia qal li minħabba li l-Avukat Ġenerali ma aċċettax li jippubblika l-inkjesta sħiħa, il-PN qiegħed fi żvantaġġ minħabba li l-Prim Ministru għandu l-inkjesta sħiħa. Sostna li dan kollu qed jimmina l-bilanċ politiku f’Malta.

“Tibdil rivoluzzjonarju għall-PN”

Delia sostna li l-Partit Nazzjonalista għaddej minn proċess ta’ tibdil kbir intern, rivoluzzjonarju, iżda l-valuri u l-prinċipji se jibqgħu l-istess, filwaqt li l-mod ta’ kif tagħmel il-politika trid tinbidel.

Qal li żamm il-Governanza t-Tajba minflok ħallijha f’idejn Busuttil, biex tkun taħt il-kontroll tiegħu u ma jħalli xejn inaqqas mill-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

Huwa għamel sejħa lill-kandidati u d-deputati tiegħu biex jiltaqgħu man-nies u jiġu lura fil-Partit biex jitkellmu dwar xi jkunu iltaqgħu miegħu u fejn jistgħu jitranġaw l-affarijiet. Appella wkoll lin-nies biex jirrappurtaw lill-Partit dwar min mid-deputati qed iżuru u x’qed jgħidulhom.

Prezzijiet tal-fjuwil, Għawdex u l-faqar

Fl-istess programm, Delia tkellem ukoll dwar il-prezzijiet tal-fjuwil li fl-aħħar jiem għolew iżda l-Gvern qal li xorta jinsabu taħt il-medja Ewropea. Delia qal li l-Partit Laburista qed imur kontra l-wiegħda elettorali li jkun hawn prezzijiet stabbli.

Dwar Għawdex, Delia semma l-kuntratt tal-Vitals Global Healthcare li issa għadda f’idejn Steward Health Care. Delia uża l-istess kliem tal-predeċessur tiegħu Simon Busuttil meta qal li l-Gvern m’għandux sptar tiegħu f’Għawdex għax biegħu lill-privat u l-Għawdxin ġew trattati bħala ċittadini tat-tieni klassi.

Dwar il-faqar, Delia qal li “għandna l-ikbar ammont ta’ faqar bl-ikbar ammont ta’ xogħol”. Qal li din hi sitwazzjoni ironika għax fl-istess ħin li l-Prim Ministru jgħid li jrid iġib aktar barranin jaħdmu f’Malta, żdiedu dawk in-nies f’riskju ta’ faqar.