L-effett ta’ Egrant fuq il-PN – Gazzetti

Il-kwisjoni Egrant u r-riperkussjonijiet li l-konklużjonijiet tal-inkjesta tal-maġistrat Aaron Bugeja kellhom fuq il-Partit Nazzjonalista komplew jimlew il-paġni tal-gazzetti tal-Ħadd.

Is-Sunday Times f’intervista mal-kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia tgħid li l-istess Kap tal-Oppożizzjoni xejjen il-kritika li saritlu fil-konfront ta’ deċiżjoni li li ma jkomplix bil-passi dixxiplinari fil-konfront ta’ Simon Busuttil wara li ma ssospendix ruħu mill-grupp parlamentari Nazzjonalista. Huwa qal li filwaqt li ma rtirax mill-pożizzjoni tiegħu, ddeċida li ma jkomplix sejjer bil-kwistjoni għall-ġid tal-istess Partit Nazzjonalista.

Huwa qal li l-għan tiegħu mhux l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tas-sena d-dieħla iżda l-elezzjonijiet ġenerali waqt li ammetta li se jkun diffiċli għall-partit biex iżomm it-tielet siġġijiet fil-Parlament Ewropew.

Il-Malta Independent on Sunday qalet li wieħed mill-medjaturi fil-kwistjoni Delia-Busuttil, Francis Zammit Dimech ammetta mal-gazzetta li kien hemm min ried ikompli jeskala d-diżgwid u l-iktar biċċa xogħol iebsa kienet li jikkonvinċi l-partijiet kollha li kien wasal il-mument li jogħlew mill-battibeki biex jingħaqad il-partit.

Il-Maltatoday qalet li dik li qed issejjaħ bħala l-omm tal-kalkoli ħziena, jiġifieri l-pożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista fuq l-kwistjoni Egrant poġġietu fi żvantaġġ ta’ kważi 100,000 vot fil-konfront tal-Partit Laburista fl-aħħar stħarriġ li l-gazzetta ppubblikat illum.

Il-gazzetta Illum tgħid li qattusa għaġġelija frieħ għomja tagħmel, b’referenza għad-deċiżjoni immedjata li ħa Delia biex jitlob lil Simon Busuttil jissospendi ruħu mill-Grupp Parlamentari biex il-ġimgħa l-oħra kellu jaċċetta ftehim li ‘jgħaqqad’ lill-PN.

Il-gazzetta Kullħadd tgħid li analisti politiċi jaqblu li meta aktar kmieni l-gimgħa l-oħra Adrian Delia ċeda għal dak li kienet titlob il-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, kompla jdgħajjef il-pożizzjoni tiegħu.

Min-naħa tiegħu, l-Imħallef Emeritus Philip Sciberras qal mal-gazzetti it-Torċa li qal li kien hemm uħud li raw li ma kinux kapaċi li jegħlbu politikament lill-Prim Ministru ddeċidew li għall-kisba tal-poter jiffabbrikaw konġura msewwsa u tawha tixbiha ta’ verità.