Il-Gvern jiċħad li l-kwarantina imposta mill-OPM tikser ir-regoli

Aġġornat 01:43 PM
REUTERS/Amanda Perobelli

Read in English.

Il-kwarantina li qed tiġi imposta mill-Gvern u l-awtoritajiet tas-saħħa pubblika minħabba l-coronavirus tmur kontra r-regoli tal-Public Service Management Code (PSMC). Dan qalitu l-Union Maltija għall-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN) f’komunikat mibgħut lill-membri tagħha kmieni dalgħodu. Il-Gvern ħareġ stqarrija li fiha ċaħad din l-allegazzjoni.

L-MUMN qalet li mhux se taċċetta li s-sahra minħabba l-kwarantina titnaqqas mis-sahra tal-membri tagħha. Qalet li s-sistema li ġiet imposta mill-Gvern mingħajr ma saret konsultazzjoni tal-MUMN setgħet twassal sabiex l-istaff ma jinformax lid-Dipartiment tar-Riżorsi Umani li kien imsiefer u b’hekk imur lura x-xogħol immedjatament malli jasal lura Malta.

Fl-aħħar jiem, il-Gvern Malti talab lil kull min isiefer lejn il-pajjiżi l-aktar affetwati mill-COVID-2019, mal-wasla tiegħu Malta jpoġġi lilu nniffsu fi kwarantina għal 14-il jum qabel ma jirritorna għax-xogħol.

L-MUMN sostniet li tinsab diżappuntata bil-mod kif id-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika qed jamministra l-pjan ta’ kontinġenza dwar il-coronavirus. Qalet li kawża tal-arroganza tad-Dipartiment, l-MUMN ma setgħetx tagħmel mod ieħor ħlief li tissalvagwardja lill-membri tagħha minn miżuri li “ma jagħmlux sens”. L-MUMN sostniet li l-kwarantina imposta ma tagħmilx sens hekk kif id-Dipartment mhux qed isegwi l-persuni li suppost qed iżommu rwieħhom fi kwarantina.

Membri tal-MUMN rrappurtaw li l-istaff li kien għadu ġej lura minn Bergamo rritorna għax-xogħol il-ġurnata ta’ wara l-wasla f’Malta u injora kompletament l-ordni tal-kwarantina.

L-MUMN sostniet li jekk hemm bżonn kwarantina mandatorja, mela din m’għandhiex titnaqqas mis-sahra tal-ħaddiem u li d-Dipartiment għandu jsegwi lil dawn il-persuni li suppost qed ikunu fi kwarantina. Qalet li l-membri tal-MUMN mhux se jkunu qed jikkoperaw mal-Gvern jekk l-14-il jum jitnaqqsu mis-sahra tagħhom.

“Il-Gvern qed jieħu s-sitwazzjoni tal-coronavirus bis-serjetà”

Min-naħa tiegħu, il-Gvern qal li qed jieħu s-sitwazzjoni tat-tixrid tal-coronavirus bl-akbar serjetà, u li diġà ħa miżuri ta’ preparazzjoni u ta’ kontroll. Ġab eżempju bil-miżura li dawk li ġejjin minn żoni affettwati qed jintalbu joqogħdu kwarantina għal 14-il jum.

L-istqarrija tgħid li mhuwiex minnu wkoll li l-impjegati pubbliċi jridu jeħdu leave ta’ kwarantina mill-vacation leave tagħhom.

Spjega li, “F’sitwazzjonijiet simili, il-Manwal dwar Leave Speċjali fil-Kodiċi dwar l-Immaniġġjar tas-Servizz Pubbliku jipprovdi għall-għoti ta’ leave ta’ kwarantina. Uffiċjali pubbliċi li huma preklużi mis-Supretendent għas-Saħħa Pubblika milli jattendu għad-dmirijiet tagħhom, għandhom leave speċjali bi ħlas li jkopri l-perjodu ta’ din l-assenza.”

Intqal ukoll li l-pubbliku se jibqa’ jinżamm infurmat bit-tħejjijiet kollha permezz ta’ sessjonijiet ta’ informazzjoni mal-ġurnalisti u interventi fuq il-mezzi tax-xandir b’mod regolari.