Il-kwarantina f’Ħal Far estiża għal 14-il jum ieħor

Miguela Xuereb

Il-kwarantina fiċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far se tkun estiża għal 14-il jum ieħor, skont il-Gvern.

Fi stqarrija l-Ministeri għas-Saħħa u għall-Intern qalu li l-estenzjoni tidħol fis-seħħ mill-aħħar data li fiha jinstab resident pożittiv għall-COVID-19 qabel jew matul il-Ħadd 19 ta’ April.

Skont iż-żewġ ministeri din id-deċiżjoni “ttieħdet fuq ordni tas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika wara li fiċ-ċentru nstabu numru ta’ persuni oħra pożittivi għal COVID-19.”

Intqal li r-residenti li nstabu pożittivi għal virus qed jingħataw kura f’ċentru mediku mmexxi mis-Soċjetà Maltija tas-Salib l-Aħmar (Red Cross) f’binja viċin iċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far.

F’parti oħra taċ-ċentru qed jinżammu persuni li jkun sarilhom swab test jew ikollhom il-ħtieġa li jinżammu iżolati minn persuni oħra fl-istess ċentru. Din il-parti taċ-ċentri hija amministrata mis-Soċjetà tas-Salib l-Aħmar ukoll.

“L-awtoritajiet tas-saħħa qed ikomplu janalizzaw mill-qrib is-sitwazzjoni f’dan iċ-ċentru biex ikunu jistgħu jittieħdu d-deċiżjonijiet li jħarsu s-saħħa ta’ dawk li jgħixu fiċ-ċentru u tal-kumplament tas-soċjetà Maltija,” qalu l-Ministeri.

Qalu wkoll li l-Aġenzija għall-Ħarsien tal-Persuni li Jfittxu l-Ażil (AWAS) li tmexxi dan iċ-ċentru qed tieħu numru ta’ miżuri sabiex tiffaċilita l-ħajja ta’ dawk li qed jintalbu jagħmlu l-kwarantina.

Il-Gvern kien ordna biex ir-residenti ta’ dan iċ-ċentru jinżammu kwarantina fil-5 ta’ April. Id-deċiżjoni ttieħdet wara li nstabu 8 każi minn dan iċ-ċentru.

L-Erbgħa Newsbook.com.mt irrapporta li minn din il-ġimgħa se jibda jopera ċentru ġdid f’Ħal Far li se jservi ta’ iżolazzjoni għar-residenti ta’ Ħal Far li jkunu ġew ikkonfermati bħala pożittivi.

Kelliem għas-Soċjetà Maltija tas-Salib l-Aħmar qal lil Newsbook.com.mt li din hija l-binja magħrufa bħala China House li tinsab viċin taċ-ċentru miftuħ li r-residenti tiegħu ġew mitluba josservaw perjodu ta’ kwarantina. Din hija t-tieni inizjattiva mas-Soċjetà tas-Salib l-Aħmar wara li ftit tal-ġimgħat ilu nfetħet klinika ġdida biswit iċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn