​Il-kwalità tax-xogħol mhix tajba biżżejjed – Josef Vella, UĦM

Il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM – Voice of the Workers Josef Vella qal li l-kwalità tax-xogħol f’Malta mhix tajba biżżejjed.
Vella kien qed jitkellem waqt il-programm Newshour fuq RTK fejn kien intervistat minn Fr Joe Borg.
Vella qal li l-livell tal-pagi f’Malta huma lejn in-naħa t’isfel tal-livelli l-oħra fl-Ewropa. Qal li għalkemm qed jinħolqu xogħlijiet ta' kwalità f'Malta, dawn qed jingħataw lill-ħaddiema barranin. "Jekk nieħdu xogħlijiet fl-industrija tal-igaming, xogħlijiet li jkoll bżonn ċertu ħiliet fil-programming, mhux il-Maltin qed jeħduhom, imma l-barranin." Skont Vella dan għax il-Maltin m'għandhomx biżżejjed taħriġ.

Vella qal ukoll li huwa tajjeb li jiġu l-ħaddiema barranin, però qal li wieħed irid jara jekk hux qed jieħdu x-xogħlijiet li jkun fadal jew dawk tal-ogħla kwalità. Qal li hija problema wkoll meta l-barranin jaċċettaw kundizzjonijiet tax-xogħol li ma jaċċettawhomx il-Maltin għax ikunu baxxi.
Vella qal ukoll li hemm bżonn fond għall-protezzjoni tas-salarji tal-ħaddiema. Dan għaliex f’każ li ma toħroġx il-paga fil-ħin, il-ħaddiema jkollhom problema biex iħallsu lura dak li jkunu selfu mill-bank.