Il-kwalità tal-arja tjiebet waqt il-pandemija – Nadine Mercieca, ERA

Read in English.

Nadine Mercieca, mill-Awtorità għall-Ambjent u Riżorsi (ERA), waqt li qalet li l-kwalità tal-arja tjiebet waqt il-pandemija minħabba n-nuqqas ta’ karozzi fit-toroq, għad fadal ħafna xogħol li jrid isir biex inkabbru kultura favur l-ambjent u biex innaqqsu l-użu ta’ trasport għal tnaqqis fl-impatt negattiv fuq il-kwalità tal-arja.

Mercieca kienet qed titkellem waqt Business Breakfast organizzat minn Newsbook.com.mt.

Mercieca żiedet tgħid li r-riċerka tagħhom turi li l-kwalità tal-arja qed tkun affettwata b’mod negattiv minħabba l-użu tat-trasport. Qablet ma’ Prof. Attard dwar il-ħtieġa ta’ strateġija olistika.

Hija qalet li l-ERA trid tħares l-ambjent biex ittejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies. Żiedet tgħid li l-ERA tagħmel ħafna moniteraġġ tal-kwalità tal-arja li jidher b’mod ċar li teħżien waqt il-peak hours tat-trasport. Spjegat kif għandhom modi kif jimmonitorjaw l-arja f’partijiet differenti fil-pajjiż ħalli jkunu jistgħu janalizzaw aħjar dak li qed jiġri u jkunu jistgħu jipproponi x’jista’ jiġri.

Qalet li fi żmien il-pandemija minħabba li naqas it-trasport tjiebet il-kwalità tal-arja. Tat diversi eżempji meħuda mid-diversi stazzjonijiet ta’ monitoraġġ li l-ERA għandha f’diversi partijiet ta’ Malta. F’diversi postijiet residenzjali minfejn is-soltu jgħaddi ħafna traffiku l-arja tjiebet għax waqt il-pandemija l-ammont ta’ traffiku kien anqas.

Hija semmiet l-importanza li fuq il-livell lokali jittieħdu aktar miżuri li jtejbu l-livell tal-arja.