Il-Kurja twieġeb lil MUT dwar policies fl-iskejjel tal-Knisja

Il-Kurja tal-Arċisqof spjegat li d-dokument li rreferiet għalih l-Unjin tal-Għalliema (MUT) bħalissa jinsab għaddej minn proċess ta’ konsultazzjoni interna fi ħdan il-Knisja u l-awtoritajiet fl-Iskejjel tagħha.
B’reazzjoni għall-istqarrija tal-MUT, il-Kurja spjegat li tirriserva l-kummenti tagħha sakemm il-proċess jiġi konkluż u l-Knisja lokali tkun f’pożizzjoni li tagħmel pubbliċi l-policies uffiċjali dwar l-iskejjel tagħha fid-dawl tal-identità u l-missjoni spiritwali u reliġjuża, b’rispett għad-drittijiet fundamentali tal-bniedem.
Fl-istqarrija tagħha, l-MUT irreferiet għal rapporti fil-midja fejn intqal li d-dokument kunfidenzjali jgħid li għalliema ma jintgħażlux jekk l-għażliet  f’ħajjithom ma jkunux konformi mat-tagħlim tal-Knisja Kattolika.
L-MUT qalet li tittama li r-rapporti fil-midja mhumiex korretti u li mhux se taċċetta dokument li jmur kontra l-liġijiet u l-prattiċi tal-impjiegi f’Malta.
L-Unjin tappella lill-Awtoritajiet Ekkleżjastiċi biex jiddiskutu l-kwistjoni u sal-aħħar ta’ dan ix-xahar iserrħu moħħ l-impjegati fl-iskejjel tal-Knisja. Sostniet li jekk dan ma jseħħx, se tieħu l-azzjonijiet kollha neċessarji biex tipproteġi l-membri tagħha.