Filmat: Il-Kurja tirreġistra bilanċ pożittiv ta’ €970,000

L-Arċidjoċesi ta’ Malta rreġistrat bilanċ pożittiv (surplus) ta’ €970,000 għas-sena 2012. Dan wara li bejn l-2008 u l-2011 il-Knisja kellha telf ta’ aktar minn €3,500,000.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar tal-Anzjani tal-Knisja fl-Isla, il-kontrollatur finanzjarju Robert Agius spjega fid-dettall il-ħdax-il rapport pastorali u finanzjarju annwali tal-Arċidjocesi ta’ Malta, li jinkludi r-riżultati finanzjarji ta’ aktar minn 100 entità differenti.

Mir-rapport jirriżulta li matul is-sena 2012, il-Knisja f’Malta rnexxielha tirreġistra riżultati finanzjarji pożittivi b’surplus fl-operat ta’ €16,000.

Din hija d-differenza bejn id-dħul u l-ħruġ finanzjarju, li kienu jammontaw għal madwar €25,800,000.

Mir-rapport joħroġ biċ-ċar li l-Knisja għadha toħroġ flus minn ġewwa f’sussidji lill-entitajiet tagħha mill-Fond Ċentrali.

Biex jitnaqqsu l-ispejjeż, fost iniżjattivi oħra l-Amministrazzjoni Ċentrali żiedet l-impjiegi biss fejn huwa meħtieġ, inżamm limitu ta’ infiq bħal fil-każ tal-festi, filwaqt li sar xogħol ta’ restawr u manutenzjoni fejn verament kien hemm bżonn.

Biex jiżdied id-dħul, żdiedu l-inizjattivi ta’ ġbir ta’ fondi u l-kiri ta’ postijiet tal-Knisja, bħall-Istitut Kattoliku u Palazzo De Piro fl-Imdina. 

L-ikbar ammont ta dħul sar mid-donazzjonijiet tan-nies li ammontaw għal €8 miljuni.  Ikkumparat mal-2011, id-Dar tal-Providenza naqset id-dħul tagħha, l-aktar dak mid-donazzjonijiet tan-nies.

Is-surplus totali ta’ €970,000 huwa dovut l-aktar għall-qliegħ mill-investimenti u qliegħ kapitali mill-investimenti finanzjarji.

Minkejja r-riżultati pożittivi, jidher li d-Djar tal-Anzjani u d-Djar tat-Tfal, it-Tribunal Ekkleżjastiku u l-medja qed jirreġistraw telf.

Dan qed ikollu jagħmel tajjeb għalih il-Fond Ċentrali, għaliex skont ir-rapport, jekk ma jsirx hekk, jeżisti r-riskju li dawn l-entitajiet ikollhom jieqfu joperaw.

It-Tribunal Ekkleżjastiku rreġistra defiċit ta’ €457,000 minħabba li żdiedu l-ispejjeż u naqas id-dħul tal-ħlasijiet minn persuni li jressqu l-każi tagħhom.

Dan filwaqt li fil-qasam tal-midja, il-Knisja f’Malta investiet €500,000 biex taġġorna ruħha fil-qasam tal-mezzi tal-komunikazzjoni.

Dan kien meħtieġ wara li l-Knisja għaddiet minn proċess ta’ ristrutturar li wassal biex ingħalqet l-istamperija, il-ħwienet tal-kotba u l-Ġensillum online.  

Sussidji oħra kienu ta’ €157,000 għad-djar tal-anzjani, biex il-miżati jibqgħu kemm jista’ jkun baxxi, u ta’ €90,000 għad-djar tat-tfal.

Ir-rapport jgħid li l-Knisja qed ikollha sfidi biex tirreġistra bilanċ pożittiv fil-Fond tal-Kleru, li minnu jinħarġu l-pagi tal-membru tal-kleru.

Kien propju għalhekk li l-parroċċi ntalbu jżidu l-kontribuzzjoni tagħhom għal dan il-Fond minn 70 għal 75 fil-mija tal-pagi kollha tal-kappillani u l-viċi kappillani biss.

Fid-dawl ta’ dan ir-rapport finanzjarju, il-Knisja f’Malta tappella lill-insara biex ikunu ġenerużi fl-għotjiet li jsiru fil-knejjes u jieħdu sehem fl-inizjattivi li jsiru fil-parroċċi.

Ritratti: Photocity