Il-Kurja tinsisti kontra l-ħruq tan-nar minn propjetà tagħha

Ġiet ikkonfermata d-deċiżjoni oriġinali li ma jsirx ħruq tan-nar minn propjetà tal-Knisja.

Dan tħabbar fi stqarrija mibgħuta mill-Kurja.

Lura fl-4 ta’ Mejju, l-Arċidjoċesi ħarġet ċirkulari li biha fakkret f’direttiva li kienet ilha li ħarġet snin biex ma jsirx ħruq tan-nar fuq propjetà tal-Knisja.

Jidher li minkejja d-direttiva, f’bosta lokalitajiet kien għadu jsir il-ħruq ta’ musketterija minn fuq il-bjut tal-knejjes u propjetajiet tal-knisja.

Id-direttiva tapplika għal kull knisja u l-propjetajiet kollha li hi responsabbli għalihom il-knisja. Fiċ-ċirkulari sostnew li huwa fid-dmir ta’ min qed imexxi l-parroċċa jew knisja li jara li d-direttiva ma tinkisirx.

Wara dan, l-awtoritajiet tal-Knisja ddiskutew is-sitwazzjoni preżenti mal-kapillani u ma’ diversi esperti, kif ukoll ltaqgħu mar-rappreżentanti tal-għaqdiet tan-nar sabiex iressqu l-fehmiet tagħhom.

Fl-istqarrija l-Arċidjoċesi rringrazzjat lil numru ta’ parroċċi u għaqdiet tan-nar li aċċettaw din il-policy u sabu postijiet alternattivi minn fejn jinħaraq in-nar.

Aqra l-istqarrija tal-Kurja hawn.