Il-Kurja tiċħad storja f’It-Torċa

Kurja – knisja.mt/ritratti

Kuntrarju għal dak li gie ppublikat fil-faċċata ta’ It-Torca llum, l-inviti għall-Quddiesa tal-President il-ġdid Dr George Vella ma nħargux mill-Knisja. Allura mhux veru dak li kitbet It-Torċa li l-Isqof Mario Grech ma ikkonċelebrax fil-quddiesa li inawgurat il-Presidenza ta’ Dr George Vella għax ma kienx mistieden mill-Kurja.

Il-Parlament ħareġ l-istediniet

Fi twegiba għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt, kelliem għall-Kurja qal li ċelebrazzjonijiet bħal dawk tal-inawgurazzjoni ta’ President ġdid ma jiġux organizzati mill-Knisja u għaldaqstant ma’ jinħareg l-ebda invit mill-Kurja. L-istediniet għall-Quddiesa li saret nhar il-Ħamis li għadda inħargu mill-Parlament ta’ Malta kif inhi l-prassi.

Il-ġurnal it-Torċa allega li l-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech ma kienx mistieden għall-Quddiesa mill-Kurja ta’ Malta. L-Isqof Mario Grech qal lil It-Torċa li minħabba certi imprevisti ma kienx possibbli għalih li jkun fiżikament preżenti. Minkejja dan l-Isqof Grech qal li segwa l-proċess tal-ħatra tal-President Vella u talab l-għajnuna t’Alla fuqu fil-bidu tal-mandat tiegħu.

Integrita, ġustizza u solidarjeta – L-Arċisqof

L-Arċisqof Charles Scicluna waqt l-omelija tiegħu fil-quddiesa tal-inawgurazzjoni qal li r-reputazzjoni tal-pajjiż tissaħħaħ u tikber kemm-il darba jitħaddnu il-valuri tal-integrità, tal-ġustizzja u tas-solidarjetà. Huwa wissa li “jekk l-ewwel u l-unika ħaġa li nfittxu tkun il-qligħ jew il-profitti, minn demokrazija nsiru kerdokrazija (soċjetà mmexxija mill-ġirja għall-profitt) u malajr niżżerżqu lejn il-kleptokrazija (soċjetà fejn il-poter huwa ta’ min jaħtaf l-iżjed)”.

Aqra: Ritratti: Pajjiż jissaħħaħ jekk iħaddan l-integrità, il-ġustizzja u s-solidarjetà – L-Arċisqof Scicluna

Rispett lejn il-ħajja

Nhar il-Ħamis il-President ġdid George Vella fl-ewwel diskors tiegħu bħala president saħaq li jispera li jibqa’ jara r-rispett li sa issa dejjem kien hemm, lejn l-etika u l-morali fil-professjoni medika u fuq kollox ir-rispett għall-ħajja mill-bidu nett sal-aħħar nifs tal-individwu.

Aqra: ‘Nispera li nibqa’ nara r-rispett għall-ħajja mill-bidu nett sal-aħħar nifs’ – Il-President Vella

Aqra: Filmat: Ara l-mumenti speċjali tal-President George Vella