Il-Kurja tagħlaq l-uffiċċji u tiftaħ Helpline

Il-Kurja taġġorna l-ħinijiet ta’ talb onlajn

Read in English.

Il-Kurja ħabbret li minn għada s-Sibt 14 ta’ Marzu, il-Kurja tal-Arċisqof, inkluż l-Uffiċċju Żwiġijiet u l-uffiċċju ċentrali tal-Caritas, u t-Tribunali Ekkleżjastiċi fil-Belt Valletta, se jkunu magħluqin għall-pubbliku. Ġie spjegat li dan kollu qed isir bħala miżura ta’ prekawzzjoni li tħares is-saħħa u s-sigurtà kemm tal-pubbliku kif ukoll tal-impjegati.

Għalhekk, il-Kurja qed tniedi helpline għal dawk li jkollhom xi mistoqsijiet urġenti relatati mal-ħidma tal-Arċidjoċesi. In-numru 79241281 se jibda jopera minn għada s-Sibt, bejn id-9:00 a.m. u l-4:00 p.m. Wieħed jista’ wkoll jibgħat email fuq info@maltadiocese.org.

Fi stqarrija, l-Uffiċċju Komunikazzjoni tal-Kurja tal-Arċisqof ħabbar ukoll li ġew aġġornati l-ħinijiet ta’ talb li qed jixxandar fuq Newsbook.com.mt.

Mit-Tnejn sal-Ħadd ser tixxandar Quddiesa kuljum fid-9:30 a.m. Is-Sibt tixxandar Quddiesa oħra mis-Santwarju Ta’ Pinu, Għawdex, fis-6:30 p.m. Mit-Tnejn sal-Ġimgħa ser jixxandar ukoll Rużarju fil-5:30 p.m.

Dawn qed jixxandru wkoll fuq TVM2 u fuq il-website uffiċjali tal-Arċidjoċesi ta’ Malta Knisja.mt.

Ilbieraħ, l-Arċidjoċesi waqqfet il-funzjonijiet reliġjużi kollha b’effett immedjat.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn