“Il-ġenituri Kattoliċi bid-dover li jagħżlu r-reliġjon għal uliedhom” – Kurja

Ċirkulari li ħarġet il-Kurja tfakkar lill-ġenituri Kattoliċi li fl-għażliet li jagħmlu fl-edukazzjoni ta’ uliedhom, għandhom id-dover li fl-iskola jagħżlu t-tagħlim tar-reliġjon. 
F’din iċ-ċirkulari li se tinqara fil-knejjes fi tmiem din il-ġimgħa, l-Arċisqof Charles Scicluna jfakkar lill-ġenituri fir-responsabbiltà li għandhom fil-konfront ta’ uliedhom. 
Jgħid li minn meta jkunu għadhom żgħar, il-ġenituri jridu jgħinuhom jikbru fil-fidi bl-eżempju u bil-kelma, u billi jaraw li jirċievu l-formazzjoni meħtieġa. 
Filwaqt li saħaq dwar l-importanza tal-formazzjoni reliġjuża fil-ħajja tal-familja, l-Arċisqof sostna li l-komunità parrokkjali u l-iskola ma jeħdux post il-ġenituri imma huma kumplimentari għalihom.
Iċ-ċirkulari tikkwota wkoll lill-Papa Franġisku, li fl-Eżortazzjoni Appostolika tiegħu “Il-Ferħ tal-Imħabba”, jgħid b’mod ċar li l-edukazzjoni sħiħa tal-ulied hi dmir mill-iktar serju u fl-istess waqt dmir ewlieni tal-ġenituri.
Il-Kurja qalet li fl-isfond ta' dan kollu qed tkompli l-ħidma tagħha biex it-tagħlim tar-reliġjon jiġi aġġornat, iwieġeb għall-ħtiġijiet tal-lum, u jkun ta’ għajnuna għall-istudenti.