Il-Kurja b’ordnijiet dwar it-Tqarbin minħabba l-coronavirus

Read in English.

Il-Kurja ħarġet direttivi għall-ħarsien tas-saħħa lir-reverendi arċiprieti, kappillani, retturi ta’ knejjes u superjuri reliġjużi dwar it-Tqarbin. Dan minħabba t-tixrid tal-coronavirus (COVID-2019) f’diversi pajjiżi.

F’komunikat, il-Kurja qalet li bħala miżura ta’ prekawzjoni u biex jiġi evitat kull periklu ta’ tixrid tal-marda, it-Tqarbin Ewkaristiku bl-ostja għandu jsir biss fl-idejn u mhux fil-ħalq. Intant, qalet li fil-każijiet permessi għal Tqarbin mill-kalċi, dan m’għandux isir billi wieħed jixrob direttament mill-istess kalċi.

L-Isqof Awziljarju Joseph Galea-Curmi u l-Kancillier tal-Kurja Mons. Lawrence Gatt fakkru lil dawk kollha li jiċċelebraw il-Quddiesa sabiex jassiguraw li jiddiżinfettaw idejhom sew qabel ma tibda l-Quddiesa, u f’każ ta’ bżonn, anke qabel il-bidu tat-tqarbin. Il-Ministri Straordinarji tat-Tqarbin, għandhom jassiguraw li jiddiżinfettaw idejhom qabel ma jqarbnu.

“Hi responsabbiltà tagħna lkoll li nieħdu l-miżuri kollha biex nevitaw dak kollu li b’xi mod jista’ jxerred il-mard, speċjalment fejn jinġabru numru kbir ta’ nies bħall-knejjes jew swali tal-Knisja,” temmew jgħidu.