Il-kura paljattiva hi dritt uman

Il-kura paljattiva hi li takkumpanja lill-marid u min qed imut

Il-Kura Paljattiva hi dritt uman” iddikjara Mons. Vincenzo Paglia, President tal-Akkademja Pontifiċja għall-Ħajja fi ftuq ta’ laqgħa internazzjonali li saret f’Doha, il-Qatar ftit ilu.

Hemm diversi programmi internazzjonali li qed joffru din il-kura,  imma l-veru dritt uman hu li min qed jirċiviha jibqa’ jkun rikonoxxut u milqugħ bħala membru tas-soċjetà u parti mill-komunità, sostna l-Isqof Paglia.

Il-Konferenza bit-tema: “Il-perspettiva Musulmana u Kristjana dwar il-Kura Paljattiva u Tmiem il-Ħajja” kienet organizzata minn Georgetown University u l-Fondazzjoni Qatar.

Vatican News irrapporta li fil-bidu tal-konferenza ta’ jumejn kienet iffirmata Dikjarazzjoni Konġunta mill-World Innovation Summit for Healtha u l-Akkademja Pontifiċja għall-Ħajja dwar “Tmiem il-Ħajja u l-Kura Paljattiva”.

Il-President tal-Akkademja tal-Papa Favur il-Ħajja qal li l-kura paljattiva hi reazjoni għall-“kultura tar-rimi” li tqis l-ewtanasja bħala xi ħaġa normali u ndifferenti. Dan hu importanti meta qed naraw “l-emarġinazzjoni, id-diskriminazzjoni u l-eliminazzjoni ta’ persuni umani fraġli bħalma dawk li qed isofru minn mard serju li m’hawn kura għalih jew minn xi diżabilità.

Mons. Paglia kien kwotat li qal li hu jqisu li hu ferm urġenti li tkun indirizzata b’mod aktar sod il-kwestjoni antropoloġika u l-isfidi etiċi kbar li joħorġu minn kwestjonijiet fejn tidħol tmiem il-ħajja.

Hu fakkar fil-kontribut tar-reliġjonijiet meta jakkumpanjaw lill-marid u l-persuni li jkunu qed imutu u l-kapaċità tal-istess reliġjonijiet li jilħqu l-periferiji tal-umanità.

“Il-kura paljattiva tiġbor il-viżjoni tal-bniedem li t-tradizzjonijiet reliġjużi kbar tiegħu huma l-gwardjani u l-promuturi. Dan hu l-akbar kontribut li r-reliġjonijiet jistgħu jagħmlu biex jimmotivaw u jispiraw”, żied jgħid Paglia.

Huwa fakkar fil-mandat speċifiku li Papa Franġisku ta lill-Akkademja Pontifiċja għall-Ħajja fil-25 anniversarju mit-twaqqif tagħha biex “toħloq fraternità ġdida”.