Il-kura paljattiva għandha tinżamm distinta mis-suwiċidju assistit

kura paljattiva suwiċidju assistit tabib idejn
Morda terminali jixirqilhom kura paljattiva mhux suwiċidju assistit

Fiż-żmien meta s-suwiċidju assistit u l-ewtanasja saru legali, l-Isqfijiet Kattoliċi tal-Kanada sostnew li l-kura paljattiva għandha tinżamm distinta bħala forma ta’ kura li taqdi l-ħtiġijiet u d-dinjità tal-persuna b’mod sħiħ sat-tmiem naturali tal-ħajja.

L-Isqfijiet għamlu din ir-rakkomandazzjoni fis-sehem tagħhom fil-konsultazzjoni pubblika dwar liġi fuq l-iżvilupp tal-kura paljattiva fil-pajjiż.

Id-dokument tal-Isqfijiet jiffoka fuq numru ta’ domandi u suġġerimenti għal dawk li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa u kien żviluppat flimkien mal-Catholic Health Alliance tal-Kanada, l-Istitut Kattoliku tal-Bioetika tal-Kanada u numru ta’ organizazzjonijiet oħra.

“L-investiment tal-komunità kattolika fil-kura tas-saħħa hu ispirat minn Kristu” qal fis-sottomissjoni tal-Isqfijiet, il-President tal-Konferenza tal-Isqfijiet Kattoliċi Kanadiżi, l-Isqof Lionel Gendron. “Din hi t-tweġiba tal-insara: li jkunu idejn li jfejjqu għall-morda; li jipprovdu kura b’kompassjoni għal dawk fil-bżonn; li jakkumpanjaw lill-moribondi u jagħtu xhieda tad-dinjità invjolabbli tal-persuna umana u r-responsabbiltà komuni tagħna li nħobbu lill-oħrajn u nservu u nipproteġu l-ħajja umana f’kull stadju.”

L-Isqfijiet innutaw ukoll li minkejja li fil-Kanada l-ewtanasja u s-suwiċidju assistit huma legali, il-Knisja Kattolika tibqa’ topponi bil-qawwa kollha dawn il-prattiċi.

Is-suwiċidju assistit u l-ewtanasja kienu legalizzati mis-Senat Kanadiż  f’Ġunju 2016 b’44 vot favur u 28 kontra. Madankollu, numru ta’ deputati rrifjutaw din il-liġi li wrew it-tħassib tagħhom dwar l-ewtanasja għall-minuri u qalu wkoll li l-liġi kienet tmur kontra l-protezzjoni tal-kuxjenza tat-tobba u istituzzjonijiet mediċi.

Dan l-aħħar kien hemm każ fejn raġel Kanadiż, Roger Foley, li għandu marda li ma titfejjaqx, qed isostni li talab biex jintbagħat id-dar u jingħata kura hemm, l-isptar ta’ Ontario offrielu biss li jkollu suwiċidju assistit.  Foley fetaħ kawża li għadha pendenti filwaqt li ta’ audio recordings lil stazzjoni televiżiv fejn it-tobba jinstemgħu joffrulu suwiċidju assistit.

Minħabba l-biża’ li l-pazjenti jkunu sfurzati jaċċettaw dak li jgħidu t-tobba, fl-istqarrija tagħhom l-Isqfijiet insistew ripetutament li hu imperattiv li s-suwiċidju assistit u l-ewtanasja ma jkunux inklużi fil-programmi ta’ kura paljattiva.