Il-kura paljattiva għandha tkun aċċessibbli għal kulħadd

Il-Papa Franġisku, permezz tal-Kardinal Pietro Parolin, Segretarju tal-Istat tal-Vatikan bagħat messaġġ importanti lid-delegati li attendew għal Konferenza dwar il-Kura Paljattiva organizzata mill-Akkademja Pontifiċja għall-Ħajja.
Fil-messaġġ intqal li l-kura paljattiva tirrigwarda l-aħħar mumenti ta’ ħajjitna fuq din l-art u ġġib il-bniedem wiċċ imb’wiċċ mal-limitazzjonijiet tiegħu li kultant iwasslu għar-ribeljoni. Din it-tip ta’ kura tindika l-iskoperta mill-ġdid tal-vokazzjoni lejn il-mediċina, li hi xjenza  li tikkura, dejjem, anke meta hu mpossibbli l-fejqan.
Ix-xjenza medika hi bażata fuq l-impenn ma’ jaqta’ xejn biex jinkiseb għarfien ġdid li bih niġġieldu numru dejjem jikber ta’ mard. Imma l-kura paljattiva hi prova li l-limiti tagħna mhux biss irridu niġġieldulhom imma rridu wkoll nagħrfuhom u naċċetawhom.
Dan ifisser li ma għandniex nabbandunaw lill-morda imma nkunu qrib tagħhom u nakkumpanjawhom fil-mument diffiċli ta’ tmiem il-ħajja.  Meta r-riżorsi kollha li nistgħu nużaw ikunu eżawriti, joħroġ l-aktar aspett importanti fir-relazzjonijiet umani: li nkunu hemm, inkunuu preżenti, inkunu qrib. Hawnhekk irridu naqsmu fl-impotenza ta’ dawk li waslu fil-punt estrem ta’ ħajjithom. F’dan il-mument il-mewt tidher mhux bħala terminu li fih il-ħajja titkisser u ċċedi imma bħala l-milja ta’ eżistenza maqsuma mal-oħrajn b’imħabba.
Il-loġika tal-kura tfakkarna fid-dimensjoni tad-dipendenza tal-imħabba lejn xulxin li tispikka b’enfasi kbira fil-mumenti tal-mard u s-sofferenza, speċjalment lejn tmiem il-ħajja imma li fir-realta tolqot ir-relazzjonijiet umani kollha.
“Tħallu ebda dejn pendenti ħlief id-dejn kontinwu li nħobbu lil xulxin għax min iħobb lill-oħrajn ikun qed jobdi l-liġi”, iwissi l-Appostlu San Pawl.  Għalhekk hu raġjonevoli li nibnu pont bejn il-kura li ningħataw sa mit-twelid u komplejna nirċievu tul l-iżvilupp tagħna u l-kura li b’responsabbilta’ għandna nagħtu lill-oħrajn, ġenerazzjoni wara oħra, biex tasal għand kulħadd.
B’hekk ikun possibbli nixegħlu dik  ix-xrara li tgħaqqad l-esperjenza tal-ħajja umana sat-tmiem misterjuż tagħha mal-proklamazzjoni evanġelika li tarana wkoll bħala ulied l-istess Missier u li kull wieħed minnha hu maħluq fix-xbieha tiegħu. Din ir-rabta prezzjuża hi aqwa mid-dinjita’ umana u teoloġika u ma tieqafx teżisti anqas meta tonqos is-saħħa u l-bniedem jitlef il-kontroll fuq ġismu. Hawnhekk jidħol il-valur tal-kura paljattiva mhux biss mil-lat tal-prattika medika, imma wkoll b’mod ġenerali.
Il-kura paljattiva timmoblizza diversi ħiliet: xjentifiċi, organiżattivi, relazzjonali, komunikattivi, l-akkumpanjament spiritwali u t-talb. Wieħed hawn irid jenfasiżża wkoll l-importanza tal-familja. Il-familja għandha rwol uniku bħala l-post fejn is-solidarjeta’ bejn il-ġenerazzjonijiet tippreżenta ruħha bħala kostitwent fil-komunikazzjoni tal-ħajja u fejn l-għajnuna reċiproka tinħass anke fiż-żminijiet tat-tbatija u l-mard.
Proprju għal din ir-raġuni, fl-aħħar fażi tal-ħajja, il-familja – anke jekk illum il-ġurnata m’hix magħquda bħal qabel, xorta hi element fundamentali.
Kwestjoni mportanti fil-kura paljattiva hi dik tat-tnaqqis tal-uġiegh. Il-Papa Piju XII jagħmel distinzjoni ċara bejn din il-kura u l-ewtanasja.  Illum, wara ħafna snin ta’ riċerka, it-tqassir tal-ħajja jista’ jsir permezz ta’ drogi ġodda.  Il-kriterju etiku ma nbidilx. Il-pazjent għandu jibqa’ jkun megħjun sal-aħħar nifs ta’ ħajtu filwaqt li titnaqqaslu kemm jista’ jkun it-tbatija. Għalhekk hemm bżonn li din it-tip ta’ kura tkun aċċessibbli għal kulħadd u li t-tobba sa mill-bidu tal-istudji tagħhom fil-mediċina jkunu konxji mill-importanza tagħha.