Il-kuntratturi b’data ġdida għat-tlestija tal-parlament

Il-President tal-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, Stefan Zrinzo Azzopardi qal li llum stess irċievew data ġdida ta’ meta jista’ jitlesta l-proġett.
Dan wara li x-xogħlijiet fil-parlament il-ġdid suppost kellhom ikunu lesti sal-aħħar ta’ Settembru, biex imbagħad min-nhar it-Tnejn li ġej 13 ta’ Ottubru, l-Ispeaker Anġlu Farrugia jibda l-ewwel seduta tal-parlament fil-bini l-ġdid.
Madanakollu fuq il-programm Dissett , Zrinzo Azzopardi ma ħabbarx id-data proposta mill-kuntratturi għaliex qal li din għadha qed tiġi evalwata.
Sostna wkoll li sa issa mhu qed jingħata ebda ħlas lill-kuntratturi sakemm dawn iħallsu l-multa ta’ €20,000 kuljum sakemm jitlesta l-proġett.
Il-President tal-Korporazzjoni qal li l-proġett tad-daħla tal-Belt minn €80 miljun se jiġi jiswa mad-€90 miljun u l-ispiża għoliet minħabba spejjeż oħra li nqalgħu waqt ix-xogħlijiet.
Il-Perit Chris Parnis, li kien tqabbad minn Gvern Nazzjonalista biex jieħu ħsieb dan il-proġett, sostna li l-ispiża telgħet  minħabba bidla fil-pjanti tal-pjazza fejn illum hemm il-monument ta’ De Vallette, xogħol ta' skavar u oħrajn.