Il-kuntratti ta’ persuni ta’ fiduċja tal-Gvern għadhom qed jinħmew

Il-ħaddiema mal-Gvern li kellhom pożizzjoni ta’ fiduċja (persons of trust) matul il-leġiżlatura l-oħra ntemmilhom il-kuntratt mat-tmiem tal-leġiżlatura. Bħalissa għaddej il-proċess sabiex isiru kuntratti ġodda u jiġu ngaġġati nies ġodda. Dan joħroġ mit-tweġibiet li taw għadd ta’ Ministri għall-mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi.
Dr Azzopardi staqsa lill-għadd ta’ Ministri fosthom lill-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna, lill-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi, lill-Ministru għall-Intern Michael Farrugia, lill-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici, lill-Ministru għall-Ambjent Josè Herrera, lill-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin Carmelo Abela, lill-Ministru għat-Trasport Ian Borg, lill-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana u lill-Ministru għall-Familja Michael Falzon, sabiex jelenkaw il-pożizzjonijiet ta’ fiduċja fi ħdan il-ministeri rispettivi tagħhom kif ukoll f’entitajiet u dipartimenti li jaqgħu taħthom.
In-nies li jaħdmu f’pożizzjoni ta’ fiduċja jintgħażlu direttament mill-Gvern mingħajr sejħa pubblika.
Għall-mistoqsija ta’ Dr Azzopardi, il-Ministru Owen Bonnici spjega li l-persuni ta’ fiduċja marbuta mal-Qorti baqgħu jaħdmu wara t-tmiem tal-leġiżlatura. Anke l-ħaddiema ta’ fiduċja b’rabta mal-Presidenza Maltija baqgħu jaħdmu wara t-tmiem tal-leġiżlatura. Dan qalu l-Ministru għall-Ambjent Josè Herrera.