“Il-kuntratti li jingħataw jiġu eżaminati kull sena” – PN

Il-Partit Nazzjonalista sostna li l-Gvern qed jipprova joħnoq ix-xogħol tal-Awditur Ġenerali. Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li nnota r-reazzjoni tal-Gvern għat-talba li għamlet l-Oppożizzjoni biex l-Awditur Ġenerali jinvestiga l-indħil tal-Ministru Chris Cardona fl-għoti ta' kuntratt pubbliku.

Intqal li r-reazzjoni tar-rappreżentanti tal-Gvern għat-talba tal-Oppożizzjoni lill-Awditur Ġenerali hi biss tentattiv biex joħonqu lill-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi u lill-Awditur Ġenerali milli jagħmel il-verifika mitluba. Il-Partit Nazzjonalista jiċħad bil-qawwa kollha li qatt kien hemm xi każ li fih ministru biddel id-deċiżjoni ta' bord tal-għażla fl-għotja ta' offerta. Intqal li l-Ministru Chris Cardona jaf dan u kien għalhekk li kellu jinjora l-proċess għal kollox u jitlob li ssir direct order. 

Il-Partit Nazzjonalista fakkar ukoll li t-talba li għamlu r-rappreżentanti tal-Gvern, li jiġu eżaminati d-direct orders kollha li ngħataw fil-leġiżlatura preċedenti, diġà ssir ta’ kull sena mill-Awditur Ġenerali permezz tar-rapport statutorju tiegħu. Intqal ukoll li r-rapport għas-sena li għaddiet diġà ġie ppreżentat lill-kumitat u ġie diskuss.