Il-kuntratt ta’ Konrad Mizzi jista’ jiġi diskuss waqt il-PAC – l-Ispeaker

Read in English.

B’ruling, l-Ispeaker Anġlu Farrugia qal l-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi (PAC) jista’ jagħżel jiddiskuti l-kuntratt iffirmat bejn l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu u d-Deputat Parlamentari Konrad Mizzi minkejja li f’dan il-każ ma ntefqu l-ebda spejjeż pubbliċi, anki għall-fatt li dan hu l-uniku suġġett  fuq l-aġenda tal-kumitat.

Ir-ruling ingħata fuq talba tal-whip Laburista Glenn Bedingfield li talab lill-ispeaker biex jagħti ruling fuq dan il-kuntratt meta ma kien hemm l-ebda nfiq pubbliku.

Il-każ jitqajjem mill-Oppożizzjoni li nsistiet li ssir diskussjoni fuq il-kuntratt li ngħata Konrad Mizzi, bil-Gvern jitlob ruling mingħand l-Ispeaker dwar jekk il-kuntratt jaqax taħt il-kompetenza tal-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi, billi tali kuntratt kien annullat mill-Awtorità u ma kien hemm ebda nfiq pubbliku.

Il-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi jiskrutinja l-finanzi pubbliċi u l-membri parlamentari talbu ruling tal-Ispeaker billi fuq dan il-kuntratt ma kien hemm ebda nfiq pubbliku.

Fi stqarrija, il-Gvern qal li qed jagħmilha ċara li m’hemm l-ebda oġġezzjoni li jkun diskuss dan il-kuntratt, jekk kemm-il darba tkun materja ta’ kompetenza tal-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi, u għaldaqstant bħal dejjem, lesta li taċċetta kull deċiżjoni li jieħu l-Ispeaker fir-ruling tiegħu.