Read in English.
Il-kuntratt għall-isptar prefabbrikat li għandu jinbena sabiex ilaħħaq mad-domanda mistennija li tinħoloq mill-coronavirus għadu ma ngħatax.
Dan ġie kkonfermat mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne fil-Parlament, meta mistoqsi mid-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi.
Azzopardi staqsa lil Fearne x’inhu jżomm lill-Gvern milli tkun aġġudikata s-sejħa li kienet ħarġet biex jingħata kuntratt għall-bini tal-isptar il-ġdid, ladarba l-Gvern kien qal li s-sejħa kienet waħda urġenti, tant li ta tlett ijiem biss għar-request to proposal. Is-sejħa għalqet fis-26 ta’ Marzu.
Min jieħu l-kuntratt kellu saħansitra jiġi mmultat €50,000 għal kull ġurnata iżjed li l-isptar idum ma jinbena mid-data ppjanata, peress li l-isptar kellu jitlesta fi tmien ġimgħat.
Fit-tweġiba tiegħu, ilbieraħ Fearne qal li s-sejħa qiegħda tiġi aġġudikata u l-offerti qegħdin jiġu skrutinizzati skont il-proċeduri tal-public procurement.
Kien lejlet li kellu jintgħażel min se jirbaħ it-tender biex jibni l-isptar, li fi blogg fuq Newsbook.com.mt Azzopardi qal li xi ġimagħtejn qabel ħareġ it-tender, il-kumpanija TEC Ltd kienet avviċinat lill-kumpanija Roder, f’Hessen, il-Ġermanja u talbitha stima dettaljata għal sptar bħal dan. Azzopardi ddeskriva s-sid ta’ TEC Ltd bħala partitarju kbir Laburista.
Meta Azzopardi allega dan, il-Ministru Chris Fearne immedjatament waqqaf is-sejħa u ordna li dawn l-allegazzjonijiet jiġu investigati. Madankollu, ftit wara, id-Deputat Jason Azzopardi qal li lilu ħadd m’avviċinah biex jikkjarifika dak li qal.
Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn.