Il-kuntratt għall-ħelikopter bejn Malta u Għawdex ma ġiex iffirmat

Read in English.

Wara li l-eks Ministru Konrad Mizzi flimkien ma’ Justyne Caruana dakinhar Ministru għal Għawdex ħabbru li se jibda jopera servizz bl-ajru bejn Malta u Għawdex, il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri żvela li l-kuntratt għall-ħelikopter ma ġiex iffirmat.

Fil-Parlament, il-Ministru Schembri kien qed iwieġeb għall-mistoqsija tad-Deputat Nazzjonalista Chris Said li staqsa dwar l-iżviluppi dwar dan is-servizz li kien issemma wkoll fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista.

Il-Ministru qal li kumpanija waħda biss issottomettiet id-dokumenti sad-data stabbilita iżda stqarr li “l-kuntratt ma’ din il-kumpanija ma sarx minħabba raġunijiet li l-kumpanija ie. Malta Air Travel Ltd ma kelliex kontrol fuqhom”.

F’konferenza tal-aħbarijiet fit-terminal tal-passiġġieri tal-ajru f’Għawdex fi Frar 2019, il-Ministru Mizzi kien ħabbar li s-servizz kien se jkun qed jopera b’ħelikopter tal-Airbus u qal li f’Malta kienu ġejjin rappreżentanti tal-Airbus biex jagħmlu laqgħat mal-Gvern dwar dan is-servizz.

Is-sejħa kienet saret fl-20 ta’ Mejju tal-2019 u kienet għalqet fit-18 ta’ Ġunju 2019. 

Il-Ministru fil-Parlament fakkar li kien hemm 14-il kumpanija jew individwi li wrew interess u talbu kopja tad-dokumenti relatati u wara ffirmaw Non-Disclosure Agreement formali.