Il-kuntistabbli mbikkem u abjad karti jgħid li mhuwiex ħati ta’ stupru

Il-kuntistabbli żagħżugħ li tressaq il-Qorti llum akkużat bi stupru u attentat vjolenti fuq il-pudur ta’ żewġ membri oħra fil-Korp f’każijiet separati, wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrieh, filwaqt li beka u deher abjad karti fl-awla.
Isem il-kuntistabbli ma jistax jixxandar, għax ġie ordnat divjett fuq ismu, u fil-Qorti l-avukat tal-kuntistabbli, Alfred Abela, talab sabiex il-Qorti tordna li d-dettalji kollha dwar dal-każ ma jiġux ippubblikati għax inkella jsir dannu irreparabbli lill-allegat vittmi.
Il-prosekuzzjoni ssekondat u qablet mat-talba tad-difiża.
Hu mifhum li dawn l-allegat atti vjolenti u stupru seħħew fit-tmien xhur ta’ qabel it-8 ta’ Marzu.
Sadanittant, l-akkużat qal lill-Maġistrat Monika Vella li aktar kmieni llum irriżenja minn jeddu mill-Korp tal-Pulizija.
L-avukat tal-kuntistabbli talab ukoll sabiex jitħejja rapport ta’ inkjesta soċjali, u sabiex l-akkużat jingħata l-għajnuna kollha possibbli sabiex il-każ jimxi.
Ried ukoll li l-vittmi jixhdu llum fl-ewwel seduta, iżda l-Qorti m’aċċettatx it-talba u ordnat biex dawn jixhdu fis-seduta li se ssir għada fin-12.30pm.
Filwaqt li l-avukat difensur ma talabx il-ħelsien mill-arrest, qal ukoll li għamel hekk minħabba l-gravità tal-akkużi.
Il-Qorti ma tatux il-ħelsien mill-arrest minħabba l-biża’ li jweġġa’ lilu nnifsu, u bagħtitu biex għalissa jinżamm fit-Taqsima Forensika tal-Isptar Monte Karmeli.
Inħareġ ukoll mandat ta’ protezzjoni għaż-żewġ uffiċjali nisa allegatament vittmi.
Ritratti : Ian Noel Pace