80% tal-kunsilliera tefgħu l-vot tagħhom dwar is-sitwazzjoni ta’ Delia

Aġġornat 08:59 PM

Read in English.

Mat-80% tal-kunsilliera kienu tefgħu l-vot tagħhom sas-2pm. Illum huwa l-aħħar jum fejn il-kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista f’Malta u f’Għawdex jistgħu jissottomettu l-vot tagħhom biex ikun iddeterminat x’se jiġri mill-kwistjoni ta’ Adrian Delia bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Fi stqarrija mibgħuta lill-midja llum waranofsinhar kien spjegat li matul il-jum tal-lum, sas-2pm, kienu marru jivvutaw 457 Kunsillier ieħor. Filwaqt li 417 ivvutaw Malta, kien hemm 40 minnhom li vvutaw Għawdex. B’hekk b’kollox, ivvutaw 1,317-il Kunsillier. Dan ifisser 80.67% tal-Kunsilliera eleġibbli li jivvutaw li jammontaw għal 1,630.

Il-Kunsill Ġenerali straordinarju qed ikompli llum is-Sibt bil-votazzjoni tkompli bejn it-8am u s-6pm fid-Dar Ċentrali f’Malta u bejn id-9am u l-4pm fis-sub headquarters f’Ta’ Sannat f’Għawdex.

Il-Kunsill irid jiddeċiedi bejn żewġ għażliet, li t-tnejn se jwasslu biex il-Partit isejjaħ konferenza ġenerali li fiha, it-tesserati jiġu mistiedna jivvutaw. Delia jippreferi li t-tesserati jkollhom vot ta’ fiduċja fih, iżda dawn li huma kontrih, inkluż il-maġġoranza tal-MPs tal-PN, iridu li ssir elezzjoni għal Kap ġdid.

Dan wara li Delia tilef żewġ voti ta’ fiduċja, wieħed fil-Grupp Parlamentari tal-PN u l-ieħor fost il-Kumitat Eżekuttiv.

Ir-riżultat mistenni joħroġ tard illejla wara l-proċess tal-għadd tal-voti li mistenni jibda għall-ħabta tas-6pm, jiġifieri wara li jingħalaq il-proċess tal-votazzjoni.

Stħarriġ li sar mill-MISCO juri li għalkemm Adrian Delia tilef l-appoġġ tal-maġġoranza tal-membri tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, għadu diffiċli li wieħed jgħid x’jista’ jiġri.

Il-maġġoranza tal-Grupp Parlamentari tal-PN li jrid kap ġdid qal li l-Kunsilliera se jagħżlu bejn il-kontinwità ta’ dak li raw matul l-aħħar tliet snin u bidu ta’ paġna ġdida b’elezzjoni bejn diversi persuni. Dawn id-19-il deputat qalu dan fi stqarrija li fiha qalu li l-proċess li għaddej minnu l-partit mhux wieħed faċli.

Intant l-hekk imsejjaħ grupp tal-Vuċi tat-Tesserati qal li l-Kunsilliera għandhom iċ-ċans jikkonfermaw il-“ħidma kbira” li saret tul l-aħħar tliet snin tat-tmexxija ta’ Adrian Delia.

Delia jgħid li ssagrifika lill-familja għall-PN

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia u l-President tal-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista (MŻPN) Joseph Grech indirizzaw lill-Kunsillieri tal-PN ilbieraħ filgħaxija. B’vuċi miksura, Adrian Delia qal li huwa ssagrifika kollox saħansitra lill-familja tiegħu għaliex telaq il-karriera ta’ avukat biex beda jmexxi lill-Partit Nazzjonalista. Tkellem ukoll dwar il-ħidma tiegħu fil-Qorti biex iġib lura l-isptarijiet pubbliċi mill-bejgħ li qal li sar b’mod korrott lil Vitals.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kien qed jagħmel l-aħħar argumentazzjoni tiegħu biex il-Kunsilliera jagħżlu vot ta’ fiduċja minflok elezzjoni għal Kap ġdid fis-sessjoni tal-lum tal-Kunsill Ġenerali.  Filwaqt li Adrian Delia ffoka d-diskors tiegħu billi ta rendikont tal-avvenimenti ewlenin taħt it-tmexxija tiegħu minn Settembru 2017 sa issa, Joseph Grech tkellem dwar l-involviment taż-żgħażagħ u kif il-Partit Nazzjonalista għandu bżonn bidla fit-tmexxija.

Joseph Grech qal li l-PN għandu bżonn tmexxija soda, kredibbli li tista’ twassal lill-Partit Nazzjonalista għal rebħa elettorali u appella lill-Kunsilliera biex fil-votazzjoni ta’ bħalissa jivvutaw biex it-tesserati jagħżlu kap ġdid.

Intant, il-maġġoranza tad-deputati tal-Partit Nazzjonalista stqarru li l-bidla fit-tmexxija trid issir qabel l-elezzjoni ġenerali għaliex wara jkun tard wisq. Fil-bidu tal-Kunsill Ġenerali li qed jitlaqqa’ mill-Kap tal-PN Adrian Delia, id-deputati qalu li l-proċess li beda xahar ilu “diġà qed iħalli l-frott”, hekk kif spjegaw li hu evidenti li l-entużjażmu fil-PN reġà beda jinħass. Qalu li bosta nies qed jagħmlu kuraġġ bit-tama li l-PN ikollu Kap ġdid li jagħti lill-partit “sens ta’ dinjità, serjetà, kredibilità u għaqda”.