“Il-Kunsilliera ta’ Ħ’Attard ma kisru ebda etika għax tkellmu dwar ir-referendum”

Il-Bord ta’ Gvernanza Lokali kkonkluda li l-Viċi-Sindku u l-Kunsillier tal-Kunsill Lokali ta’ Ħ’Attard ma kisru ebda etika meta fuq il-midja soċjali  qalu pubblikament x’jaħsbu dwar ir-referendum tal-kaċċa fir-rebbiegħa. 
Il-Bord ta’ Gvernanza Lokali sostna li “l-Kunsilliera għandhom dmir u dritt li jagħmlu dikjarazzjonijiet u li juru l-fehma tagħhom dwar dak li jkun għaddej fil-pajjiż.” 
Din l-investigazzjoni waslet wara ilment li sar mill-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba u Konservazzjonisti dwar ksur ta’ etika mill-kunsilliera
Il-Bord sostna li l-elettorat għandu jkun jaf kif ir-rappreżentanti tagħhom jaħsbuha fuq temi ta’ interess pubbliku. 
Il-Bord ħa pożizzjoni simili fis-26 ta’ Ottubru 2014 f’każ dwar il-Kunsill ta’ Ħal Lija, meta kuntrattur ilmenta li kunsillier ippublika onlajn il-mozzjoni dwar is-servizz li kien qed jagħti lill-Kunsill.