Il-kunsilliera għandhom jivvutaw lil Delia – Il-Ħbieb tal-Kap tal-PN Adrian Delia

Il-Ħbieb tal-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista appellaw biex il-Ġimgħa li ġej il-kunsilliera għandhom jivvutaw u jikkonfermaw lil Adrian Delia bħala Kap. Fi stqarrija huma qalu li b’Adrian Delia kkonfermat bħala Kap ir riformi li bdew f’dawn it-tliet snin jibqgħu għaddejjin.

Din l-istqarrija mill-Ħbieb ta’ Delia ħarġet fid-dawl li l-Ġimgħa li ġej il-kunsilliera huma mitluba biex jivvutaw jekk iridux li ssir elezzjoni nkella jikkonfermaw lil Arian Delia bħala Kap. Illum qiegħda ssir l-elezzjoni bikrija. Il-votazzjoni qiegħda ssir fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista fil-Pietà u Sub-Headquarters Partit Nazzjonalista f’Ta’ Sannat Għawdex bejn il-5pm u 8pm.

Il-Ħbieb ta’ Adrian Delia appellaw biex il-kunsilliera jerġgħu jeleġġu lil Adrian Delia bħala Kap bħalma eleġġewh fl-Lulju tal-2017 u fl-Lulju 2019. Żiedu li b’partit maqsum, wieħed ma jistax ikun kredibbli u ma jistax jirbaħ elezzjoni ġenerali u għalhekk il-kunsilliera għandhom jikkonfermaw lil Delia sabiex il-pjan li huwa beda tliet snin ilu jibqa’ miexi ‘l quddiem għax jemmen f’partit wieħed b’saħħtu magħmul minn kulħadd.

Il-Ħbieb ta’ Delia qalu li dawk il-ftit li oġġezzjonaw għandhom isibuha f’qalbhom u jingħaqdu mal-kumplament tal-partit biex jissoda u jerġa’ jkun il-partit li dejjem kien dak li joffri soluzzjonijiet għal issa li għandhom ikunu l-prijorità ewlenija.