Il-Kunsilli u l-għaqdiet jgħidu ‘le’ għar-reviżjonijiet mill-Grupp db

Tliet Kunsilli Lokali u 10 għaqdiet qalu fi stqarrija li l-pjanijiet il-ġodda sottomessi mill-Grupp db għall-proġett tagħhom f’Pembroke ma jindirizzawx it-tħassib tagħhom dwar l-impatt negattiv fuq il-kwalità tal-ħajja u l-ambjent. Fl-opinjoni tagħhom ma kien hemm l-ebda tibdil sinifikanti fin-natura tal-proġett u fl-attività li se tinħoloq permezz tal-proġett propost fuq is-sit li kien jospita l-iskola tal-ITS.

Dawn l-entitajiet kienu qed jirreaġixxu għall-bidliet li qed jiġu proposti għall-proġett kontroversjali tad-db li għalih 5,000 persuna oġġezzjonaw għall-ewwel applikazzjoni tal-Ippjanar, u 6,000 persuna oġġezzjonaw għat-tieni proposta wara li l-qrati rrevokaw il-permess biex jibdew jibnu.

“Ftit titjib, iżda mhux biżżejjed”

Il-Grupp db beda kampanja ta’ reklamar biex jispjega t-tibdil propost li sar għall-proġett. F’artiklu miktub mill-Kap Eżekuttiv tal-Grupp, Arthur Gauci, u ppubblikat fil-gazzetti lokali huwa kien pożittiv dwar it-tibdil. Huwa qal li ż-żoni pubbliċi qed jiżdiedu u l-għoli tal-proġett tnaqqas, filwaqt li qal li l-Grupp li huwa jirrappreżenta sema’ dak li Gauci jikkunsidra bħala “tħassib ġenwin dwar il-wirt kulturali u ambjentali.”

Dwar dawn, il-Kunsilli Lokali u l-għaqdiet qablu li huma passi pożittivi iżda l-assessjar finali tagħhom dwar ir-reviżjonijiet kien wieħed negattiv.

Fi stqarrija qasira, il-Grupp db qal li kienet sorpriża għalihom li l-Kunsill Lokali ta’ Pembroke approva din id-dikjarazzjoni. Il-Grupp fakkar kif lejn l-aħħar tas-sena li għaddiet, il-Kunsill ta’ Pembroke vvota biex jiffirma Memorandum of Understanding (MoU) li jappoġġa l-proġett minħabba li l-proposti kollha tagħhom kienu ġew indirizzati.

Skont l-istqarrija tad-db, Dean Hili, is-Sindku ta’ Pembroke vvota għall-MoU, imma issa qed jiffirma l-protest kontra l-Grupp db. Il-Grupp db żied jgħid li l-Kunsill ta’ Pembroke għadu jrid jivvota dwar dan.

“Midfunin ħajjin”

Il-kunsilli lokali u l-NGOs iddeskrivew it-tnaqqis fl-għoli tat-torri bħala “żgħir” u żiedu jgħidu li “ma sar l-ebda tibdil sinifikanti fl-għoli u l-wisa’ enormi tal-lukanda”. Qalu li t-tħassib tar-residenti li jkunu “midfuna ħajjin” huwa minħabba li din l-istruttura monstruża tal-lukanda li, minħabba l-għoli tagħha magħquda mal-wisa’ vasta tagħha, se tgħatti l-lokalità u tpoġġi l-eluf ta’ residenti li jgħixu fit-triq f’dalma permanenti.

Huma jiddikjaraw li l-pjanijiet riveduti jiġġeneraw attività kummerċjali bla waqfien u kbira f’żona li l-Gvern iddestinaha bħala waħda residenzjali. Żiedu jgħidu li hemm il-biża’ li jsiru żviluppi kummerċjali oħra wara dak tal-Grupp DB.

Il-Kunsilli u l-għaqdiet iqisu li l-proġett ta’ kostruzzjoni u l-fażi operattiva meta jiftaħ se jkomplu joħolqu theddida għaż-żewġ siti ta’ Natura 2000 li jmissu magħhom, inkluż dak tal-għar ta’ Ħarq Ħamiem.

It-tlettax-il entità temmew l-istqarrija tagħhom billi wiegħdu li l-pubbliku se jkompli l-ġlieda kontra t-theddida għall-kwalità tal-ħajja u l-ambjent. Se jkunu qed jirreġistraw l-oġġezzjonijiet tagħhom filwaqt li jinfurmaw lill-pubbliku dwar kif jistgħu jagħmlu l-oġġezzjonijiet tagħhom dwar il-proġett li reġgħu sejjħulu bħala monstruż u ta’ ħsara.

L-entitajiet li ffirmaw il-protest:

Il-Kunsilli Lokali ta’

  • Pembroke
  • San Ġiljan
  • Swieqi

Għaqdiet:

  • Bicycle Advocacy Group
  • BirdLife Malta
  • Din l-Art Ħelwa
  • Flimkien għal Ambjent Aħjar
  • Friends of the Earth Malta
  • Isles of the Left
  • Moviment Graffitti
  • Nature Trust Malta
  • The Archaeological Society of Malta
  • Żminijietna – Voice of the Left