Il-Kunsilli Lokali jinsabu lura fl-IT – NAO

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) sab li l-kunsilli lokali jinsabu ferm lura fil-qasam tal-IT, bl-ebda kunsill li ġie eżaminat ma jaċċetta ħlas bil-card u mill-kunsill lokali huma 13 biss li għandhom il-laqgħat tagħhom on-demand.

L-Awditur Ġenerali Charles Deguara ppreżenta rapport ta’ verifika tat-Teknoloġija tal-Informatika fil-kunsilli lokali lill-Ispeaker Anġlu Farrugia.

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) għażel li jeżamina 15 mit-68 kunsill lokali. Waqt din il-verifika, f’dawn il-15-il kunsill lokali f’Malta u Għawdex ġew studjati sew l-immaniġġjar u l-operat tal-IT u software applications eżistenti.

L-NAO sab li l-ebda wieħed ma kellu persuni tal-IT kwalifikati u tlieta biss kellhom baġit tal-IT.

L-ebda kunsill eżaminat ma jaċċetta ħlasijiet bil-kard u t-68 Kunsill Lokali kollha u l-ħames kunsilli reġjonali għandhom installazzjonijiet separati tal-istess sistema ta’ kontabilità u l-ebda waħda mhi kkonnettjata mad-Diviżjoni tal-Gvern Lokali. 

Tlieta biss mill-15-il Kunsill Lokali li żar l-NAO jużaw l-ORNIT, sistema biex il-kunsill joħroġ il-permessi, u tgħinu jżomm rekord tagħhom. Erbgħa biss mill-15-il Kunsill Lokali eżaminat, akkwistaw sistemi li jżommu rekord tal-ilmenti tar-residenti.

Minn 68 kunsill, 12 kellhom sistema ta’ live streaming li ma taħdimx u 13 biss implimentaw il-faċilità on-demand.

Minn 15-il KL li żar l-NAO, tlieta biss kienu jieħdu backups awtomatizzati ta’ kuljum tad-data kollha tagħhom, filwaqt li oħrajn jew kienu qed jieħdu backups ta’ data miżmuma mis-Segretarju Eżekuttiv biss, jew iwettqu backups fuq bażi ad hoc jew ta’ kull ġimgħa. Żewġ KL ma kienu qed jieħdu l-ebda backups.