“Il-Kunsilli Lokali għandhom jevitaw il-battibekki”

Il-Bord ta’ Gvernanza Lokali qal li meta Kunsill Lokali jsejjaħ laqgħa b’urġenza jkun għaqli li l-kunsilliera kollha jkunu avviċinati b’telefonata.
Dan wara li Charles Bonello mill-Kunsill Lokali tal-Fgura ilmenta li fl-4 ta’ Novembru m’attendix għal-laqgħa b’urġenza minħabba li ma laħaqx ra l-e-mail li kienet mibgħuta.
L-istess bord qal li meta kunsillier jitlob li jkun skużat, din it-talba għandha tkun annessa mal-minuti kif titlob il-liġi.
Intqal li fiċ-ċirkostanzi ta' kif żviluppa dan il-każ, kien ikun aktar għaqli li deċiżjoni jkunx skużat jew le tittieħed waqt laqgħa tal-Kunsill.
Il-Bord ta’ Gvernanza Lokali ħeġġeġ lis-Segretarju Eżekuttiv, lil dawk li jaħdmu fil-Kunsill u lill-Kunsilliera biex ikun hemm aktar għaqda bejniethom fl-interess tal-lokalità tagħhom.
Intqal li għandhom jiġu evitati battibekki bla bżonn u fejn ikun hemm nuqqasijiet għandhom jiġu rimedjati mingħajr allegazzjonijiet li joħolqu diżgwid bla bżonn.