Il-Kunsilli jkattru l-għarfien fl-arti u l-kultura – Stefan Buontempo

Is-Segretarju Parlamentari Stefan Buontempo ħabbar l-attivitajiet kulturali tal-Kunsilli lokali għal matul Lulju u sostna kif il-Kunsilli għandhom rwol ewlieni fit-tkattir tal-għarfien tal-arti u l-kultura f’Malta u Għawdex.
Buontempo spjega kif il-kunsilli jwettqu dan ir-rwol kemm permezz tal-attivitajiet li jorganizzaw fil-lokalitajiet tagħhom, kif ukoll permezz ta’ mawriet kulturali.
Stefan Buontempo spjega kif il-Gvern, permezz ta’ fond ta’ €250,000, jgħin lill-Kunsilli jorganizzaw attivitajiet kulturali ta’ kwalità.
Sostna li l-Kunsilli tal-Gudja, Tas-Sliema, Ta’ Xbiex, Ħaż-Żabbar u l-Mellieħa se jibbenefikaw minn €35,000 f’għajnuna.
Huwa awgura lill-ħames Kunsilli għall-attivitajiet tagħhom, li huma l-Kunċert Erba’ Staġuni li se jsir fit-8 ta’ Lulju fil-Gudja, is-Sliema Arts Festival li se jittella’ mill-Ġimgħa 17 sal-Ħadd 19 ta’ Lulju u l-attività Connecting Through Cultures li se ssir mis-Sibt 18 sal-Ħadd 19 ta’ Lulju f’Ta’ Xbiex, iż-Żabbar Arts and Music Festival is-Sibt 25 ta’ Lulju u l-Iljieli Melliħin mill-Ġimgħa 31 ta’ Lulju sal-Ħadd 2 ta’ Awwissu.

Ritratt: DOI – Jeremy Wonnacott