Il-Kunsilli jistgħu japplikaw għall-WiFi b’xejn mill-Ewropa

Il-Kummissjoni Ewropea nediet il-portal web WiFi4EU li minnu, il-Kunsilli Lokali tal-Ewropa kollha huma mistiedna jirreġistraw id-dettalji tagħhom qabel l-ewwel sejħa għal proġetti f'nofs Mejju, biex jibbenefikaw minn opportunità ta' finanzjament tal-UE biex jinbnew hotspots tal-WiFi li jkunu pubbliċi u b'xejn.
Il-programm WiFi4EU joffri vawċers b'valur ta' €15,000 biex il-Kunsilli jistabbilixxu hotspots tal-Wi-Fi fl-ispazji pubbliċi, inklużi l-libreriji, il-mużewijiet, il-ġonna pubbliċi u l-pjazez. Skont id-dikjarazzjoni tal-President Jean-Claude Juncker, l-inizjattiva WiFi4EU għandha l-għan li tgħaqqad flimkien “kull villaġġ Ewropew u kull belt b'aċċess għall-internet WiFi b'xejn madwar iċ-ċentri ewlenin tal-ħajja pubblika sal-2020”.
Il-Kunsilli jistgħu jużaw il-vawċers tal-WiFi4EU biex jixtru u jinstallaw tagħmir tal-Wi-Fi fiċ-ċentri tal-ħajja pubblika lokali magħżula minnhom. L-ispejjeż għall-manutenzjoni tan-netwerk jiġu koperti mill-Kunsill.
€120 miljun huma disponibbli mill-baġit tal-UE sal-2020 għall-finanzjament ta' tagħmir għal servizzi pubbliċi tal-Wi-Fi b'xejn f'mhux iżjed minn 8,000 muniċipalità fl-Istati Membri kollha kif ukoll fin-Norveġja u fl-Iżlanda.
Kif tapplika għal vawċer tal-WiFi4EU?

  • Il-fażi tar-reġistrazzjoni: Mill-20 ta' Marzu 2018, il-Kunsilli Lokali għandhom jirreġistraw fil-portal www.WiFi4EU.eu;
  • Il-fażi tal-applikazzjoni: F'nofs Mejju 2018 se titnieda l-ewwel sejħa, u l-muniċipalitajiet irreġistrati jistgħu japplikaw għall-ewwel lott ta' 1,000 vawċer tal-WiFi4EU (€15,000 kull wieħed). Il-vawċers se jitqassmu fuq bażi ta' min jiġi l-ewwel, jinqeda l-ewwel;
  • Il-fażi tal-assenjament: filwaqt li tiżgura bilanċ ġeografiku, il-Kummissjoni se tħabbar l-1,000 Kunsill li se jirċievu finanzjament permezz tal-ewwel sejħa. Kull pajjiż li jipparteċipa se jirċievi minn tal-inqas 15-il vawċer.
  • Fis-sentejn li ġejjin, se jitniedu erba' sejħiet oħra tal-WiFi4EU. 

In-netwerks iffinanzjati mill-WiFi4EU se jkunu b'xejn, mingħajr reklamar u mingħajr il-ġbir ta' dejta personali. Il-finanzjament se jiġi pprovdut biss lil netwerks li ma jidduplikawx l-offerti privati jew pubbliċi eżistenti li jkunu b'xejn u bi kwalità simili fl-istess spazju pubbliku.

[youtube https://www.youtube.com/watch?v=FvaJIPg0Pxw?rel=0&controls=0&showinfo=0]