“Il-Kunsilli huma vetrina għall-prodotti tal-lokalitajiet”

Waqt it-tnedija tal-Festival taċ-Ċitru f’Ħal Lija, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Stefan Buontempo enfasizza li l-Kunsilli iservu ta’ vetrina għall-prodotti li jiddistingwu l-lokalitajiet tagħhom.
Qal li s-sena li għaddiet ittellgħu disa’ festivals mill-kunsilli lokali bl-għajnuna tal-Fond għall-Attivitajiet Kulturali, bit-temi jkunu l-prodotti li huma marbuta mal-lokalitajiet.
Is-Segretarju Parlamentari Buontempo żar mitħna li tinsab qrib il-Kappella tal-Mirakli f’Ħal Lija, li hija devoluta lill-Kunsilli u li fiha se tittella’ eżebizzjoni tal-arti waqt il-festival.
Il-Festival taċ-Ċitru se jsir fis-sala tal-Kappella tal-Mirakli u l-ġnien biswit f’Ħal Lija, nhar il-Ħadd 10 ta’ Jannar mid-9.30 ta’ filgħodu ‘l quddiem.

Ritratt: DOI – Jeremy Wonnacott