Il-Kunsill tax-Xagħra joġġezzjona għal-lukanda ta’ 8 sulari

Read in English.

Il-Kunsill Lokali tax-Xagħra se jkun qed joġġezzjona mal-Awtorità tal-Ippjanar għall-permess biex tinbena lukanda ta’ 8 sulari f’żona residenzjali qrib il-knisja tan-Nazzarenu.

Is-Sindku Christian Zammit ħabbar dan fuq Facebook fi tmiem laqgħa tal-Kunsill li fiha l-membri kollha esprimew id-diżapprovazzjoni tagħhom għall-proġett.

Il-lukanda proposta hija għolja 8 sulari u fiha hemm propost li jkollha 51 kamra. Apparti l-luklanda, l-iżvilupp jinkludi wkoll il-bini ta’ 15-il appartament u għadd ta’ garaxxijiet.

Is-Sindku Laburista qal li minħabba l-għoli tal-lukanda l-iskyline taż-żona tan-Nazzarenu u tal-lokalità tax-Xagħra mistenni li jitħarbat kompletament.

Għan-nom ta’ Karkanja Developments Ltd., l-iżviluppatur Għawdxi Euchar Vella qed jipproponi li jibni l-lukanda fil-ħofra li bħalissa teżisti fuq l-art kantuniera ma’ Triq Ta’ Ġorf u Triq Ġnien Xibla fix-Xagħra.

Il-pjanti approvati vs dawk proposti.

Minħabba l-kobor tal-proġett, Transport Malta rreferiet din l-applikazzjoni għat-taqsima tal-immaniġjar tat-traffiku fi ħdan l-Awtorità tal-Ippjanar. F’uħud mir-rappreżentazzjonijiet li waslu għand l-Awtorità joġġezzjonaw minħabba li l-iżvilupp se jsir 18-il metru ‘l bogħod minn żona ta’ konservazzjoni urbana (UCA).