Il-Kunsill tas-Sigurtà b’riżoluzzjoni għall-waqfien mill-ġlied fis-Sirja

Ir-riżoluzzjoni dwar il-waqfien mill-ġlied fis-Sirja għal 30 ġurnata ġiet approvata b’mod unanimu mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda.
Dan biex titwassal l-għajnuna u biex issir l-evakwazzjoni medika.
Il-waqfien mill-ġlied ma jkoprix uħud mill-ikbar gruppi ta’ ribelli u ġiħadisti u s-soċji tagħhom. Dan qed iwassal biex jitqajmu mistoqsijiet dwar x’se jkun l-effett reali ta’ din ir-riżoluzzjoni.
Matul il-ġimgħa li għaddiet, il-Lvant ta’ Ghouta, viċin Damasku, kien ibbumbardjat mill-Forzi tal-Gvern. Il-Lvant ta’ Ghouta hi żona kkontrollata mir-ribelli.
Qed jingħad li madwar 500 persuna ġew maqtula f’Ghouta minn nhar il-Ħadd li għadda. Ir-ribelli sparaw fuq Damasku fejn inqatlu minn tal-inqas 16-il persuna ċivili.
Il-vot fi ħdan il-Kunsill tas-Sigurtà ġie pospost diversi drabi mill-Ħamis li għadda, minħabba li membri kienu qegħdin isibuha diffiċli biex jilħqu ftehim.
Ir-Russja li hi alleata tal-Gvern Sirjan riedet tibdil fl-abbozz ta’ riżoluzzjoni filwaqt li d-diplomatiċi tal-Punent akkużaw lir-Russja li qed taħli l-ħin.
L-abbozz ma kellu l-ebda referenza għall-Istat Iżlamiku (DAESH), al-Qaeda u l-Front ta’ al-Nusra.  Ir-Russja talbet li jiddaħħlu gruppi li qed jikkoperaw magħhom jew li huma assoċjati mal-gruppi terroristiċi. It-test finali jgħid li l-operazzjonijiet jistgħu jkomplu kontra individwi, gruppi jew entitajiet li huma assoċjati ma’ DAESH, al-Qaeda u gruppi oħra ddiżinjati bħala terroristi mill-Kunsill tas-Sigurtà tal-Nazzjonijiet Magħquda.
Il-Mibgħut Speċjali għan-Nazzjonijiet Magħquda Russu, Vassily Nebenzia, qal li l-waqfien mill-ġlied ma jistax ikun possibbli mingħajr ftehim bejn il-partijiet kollha involuti fil-ġlied. Huwa attakka dak li sejjaħ bħala propaganda fil-Lvant ta’ Ghouta. Sostna li mhux biss għandhom iħarsu lejn Ghouta iżda li l-għajnuna għandha tasal fil-partijiet kollha tas-Sirja.
L-ambaxxatriċi Amerikana għan-Nazzjonijiet Magħquda, Nikki Haley, qalet li sejħa għall-waqfien mill-ġlied għandha tiġi implimentata b’mod immedjat iżda hija xettika dwar kemm is-Sirja se toqgħod mar-Riżoluzzjoni. Hi akkużat lir-Russja b’dewmien fin-negozjati tant li damu tlett ijiem biex adottaw din ir-Riżoluzzjoni. Ir-rappreżentat Franċiz qal li l-azzjoni mill-Kunsill tas-Sigurtà ttieħdet tard.